top of page
20191129_223549.jpg
Logo- kazin banda san nikola.png

Mro. Ġużeppi Muscat

Mro. Ġużeppi Muscat

(Ibbażat fuq informazzjoni miġbura minn F.S. Bezzina)

Ġużeppi Muscat twieled is-Siġġiewi, nhar l-Erbgħa, 28 ta’ Frar, 1906, mill-ġenituri Pasquale u Marianna nee’ Borg.

Huwa ħa l-edukazzjoni fl-Iskola Primarja tal-Gvern tas-Siġġiewi u wara beda jaħdem bħala ġardinar fil-qasam botaniku ta’ l-Argotti fil-Furjana. Huwa baqa’ jaħdem sakemm għalaq 63 sena ( u nofs) u spiċċa nhar it-Tnejn, 29 ta’ Settembru, 1969.

Ġużeppi żżewweġ lil Marianna nee’ Busuttil mill-Belt Valletta nhar is-Sibt, 10 ta’ Novembru, 1934; Huma kellhom żewġt ulied, George u Josephine.

Sa minn ċkunitu Ġużeppi muscat kien iħobb il-muħika u għalhekk beda jitgħallem it-teorija u s-solviġġ għand kuġinuh Anġlu muscat u tgħallem il-klarinett. Huwa beda jdoqq mal-Banda bl-isem ta’ “Nikola” fis-sena 1923 fl-eta’ ta’ 17-il sena. Huwa kompla jistudja l-kontrapront għand Mro. Karmenu Mallia li kien joqgħod il-Ħamrun u fl-1931 idderieġa l-Banda “Nikolina” għall-ewwel darba. Fis-sena 1933 ġie maħtur Assistent Surmast tal-Banda tar-raħal, fejn baqa’ jservi f’ din il-kariga sas-sena 1960.

Mro. Ġużeppi Muscat kiteb diversi Innijiet, Marċi u komposizzjonijiet mużikali u ħadem bis-sħiħ biex żamm il-Banda “San Nikola” wieqfa fuq saqajha fiż-żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, meta l-maġġoranza tal-baned f’ Malta kienu kważi mietu għal kollox. Huwa serva bħala Assistent għas-Surmastrijiet Salvu Mallia, Karmenu Mallia, Giovanni Vella u Joseph Darmanin. Huwa għallem numru kbir ta’ Allievi sakemm wassalhom biex saru bandisti mal-banda tar-raħal tagħna, u li damu jservu magħha is-snin.

Fis-sena 1943 Mro. Ġużeppu Muscat ġie nkarigat jgħaqqad il-Banda Santa Marija tal-Qrendi, u wara li għallem ħafna allievi, beda jieħu miegħu l-Qrendi diversi Bandisti mis-Siġġiewi biex jikkunċertja sakemm wasal biex ifforma tajjeb il-Banda Santa Marija bil-bandisti mil-lokal. Għal din il-Banda tal-Qrendi huwa kiteb innu ferm sabiħ bil-kliem tal-poeta Karmenu Vassallo. Fil-Qrendi huwa kien ferm rispettatt għall-umilta’ tiegħu u baqa’ jidderieġi l-Banda Santa Marija sas-sena 1974, jiġifieri għall 31 sena sħaħ. Għalhekk Mro. Ġużeppi Muscat kien il-Fundatur tal-Banda tal-Qrendi Santa Marija u kien maħbub u rispettat ħafna minn ħbiebu u sħabu fil-qasam mużikali.

Huwa miet nhar it-Tnejn, 19 ta’ Lulju, 1982, fl-eta’ ta 76 sena. Il-kadavru tiegħu ttieħed għall-Qrendi fejn il-Banda li huwa għaqqas, tatu l-aħħar tislima permezz ta’ akkumpanjament mill-banda bid-daqq ta’ marċi funebri minn quddiem il-Knisja Parrokjali sat-tarf tal-Qrendi; il-banda kienet ifformata minn bandisti tal-Qrendi u bandisti Siġġiwin, u ħadu sehem ukoll il-Kumitati tal-Każini ta’ Santa Marija u ta’ San Nikola biż-żewġ stendardi. Mit-tarf tal-Qrendi, il-funeral ħa forma privata u l-kadavru twassal għall-Knisja Arċipretali tas-siġġiewi u bil-parteċipazzjoni taż-żewġ kumitati tal- baned (tal-Qrendi u tas-siġġiewi) u l-familjari. Wara l-quddiesa “praesente cadavere” fil-knisja tas-Siġġiewi, saret id-difna fiċ-ċimiterju tar-raħal u ndifen fil-qabar Nru. 35.

  • White Facebook Icon
  • White YouTube Icon
  • White Instagram Icon
  • White Facebook Icon
  • White YouTube Icon
  • White Instagram Icon

©2021 iddisinjata mis-Sezzjoni tal-Midja fi ħdan il-Każin Banda San Nikola. Kull dritt huwa miżmum. L-ebda informazzjoni jew materjal viżiv jew audio viżiv ma jista jiġi ikkupjat jew imxerred. 

Imnedija illum is-6 ta' Diċembru 2019;

Jum il-Festa Liturġika ta' San Nikola

50 / 51 Misraħ San Nikola

Is-Siġġiewi

Logo- kazin banda san nikola.png
logo sezjoni zghzah-01.png
bottom of page