Logo- kazin banda san nikola.png

L-Istorja tas-Soċjeta'

 

Introduzzjoni

F' din il-paġna qegħda tingħata ħarsa lejn il-mixja tas-Soċjeta' maż-żminijiet. Għall dan l-iskop qed tiġi riprodotta l-Istorja tal-Każin hekk kif miktuba mill-Ex President u President Onorarju tas-Soċjeta' Frangisku S. Bezzina. din l-Istorja kienet ġiet ippublikata għall-ewwel darba fl-okkazjoni tal-għeluq mitt sena mit-twaqqif tas-Soċjeta'.  Wieħed għalhekk għandu japprezza illi matul l-ahhar 36 sena seħħew diversi żviluppi ġodda u li qed jiġu trattatti fil-qasir fl-aħħar sotto-titolo ta' din il-paġna, u liema parti ma kinietx mill-istorja oriġinali hekk kif miktub fl-1983. 

Il-Lista tal-Presidenti u tad-Diretturi Mużikali ġew ukoll aġġornati biex jirriflettu l-aħħar 36 sena. Il-Partijiet aġġornati qegħdin jiġu immarkati bil-Kulur blu skur. 

Is-Soċjeta' bħalissa tinsab għaddejja bi proġett sabiex tkompli tinkiteb l-istorja tagħha b'mod intier u ħolistiku. Fil-Futur qarib, il-frott ta' dan il-proġett ser ikun qed jiġi ippublikat, flimkien ma diversi anneddotti mill-ħajja tas-Soċjeta' fiż-żminijiet. 

L-Ex President u President Onorarju Franġisku S. Bezzina

 

Dedika

Għas-sodisfazzjon ta’ kull min b’ħerqa jixtieq li jsir jaf fuq is-Soċjetà tagħna, iddeċidejt li ngħamel ħilti sabiex inwassal din il-ġrajja tas-Soċjetà filarmonika “San Nikola” li hija l-ewwel Għaqda li twaqqfet fir-raħal tagħna.

Dan ix-xogħol, li bih ser jitfakkru wkoll il-MITT SENA mit-twaqqif tal-Għaqda tagħna, nixtieq niddedikah lill-FUNDATUR u l-PROMOTURI, PRESIDENTI u MEMBRI TAL-KUMITATI, DIRETTURI u ASSISTENTI TAL-BANDA, BANDISTI u ALLIEVI, SOĊI, DIRETTURI SPIRITWALI, BENEFATTURI u ‘l dawk kollha li b’ xi mod jew ieħor urew interess fis-Soċjetà

 

Kelmtejn Qabel

Qabel nagħti bidu għall kitba tiegħi dwar it-twaqqif u l-ġrajjiet tal-Għaqda Mużikali ta’ raħalna nixtieq nuri l-importanza kbira tal-priservazzjoni ta’ dokumenti uffiċjali ta’ kull Għaqda, hu x’ inhu l-iskop tagħha.

Dan qiegħed ngħidu għax meta jiena ġejt biex nagħti bidu għal din il-kitba tiegħi sibt ruħi ferm konfuż u ddiżapuntat. In-nuqqas ta’ dokumenti uffiċjali fuq is-Soċjetà ġagħlni nagħmel ħafna xogħol ta’riċerka permezz ta’ mistoqsijiet biex nipprova nibda mill-bidu tat-twaqqif tas-Soċjetà. B’ hekk dak li ktibt dwar iż-żmien bikri tat-twaqqif tas-Soċjetà kelli nakkwistah permezz ta’ mistoqsijiet lil nies anzjani ferm li jew kienu midħla tas-Soċjetà jew inkella kienu jinteressaw ruħhom fl-affarijiet tar-raħal tagħna.

Forsi meta wieħed jaqra dwar il-postijiet differenti li fihom għammret is-Soċjetà u jieħu f’ kunsiderazzjoni li s-Soċjetà kienet immezzija minn nies b’karattri differenti, allura wieħed jasal biex jifhem li ċerti dokumenti, l- aktar dawk tal-bidu, setgħu faċilment jintilfu kif filfatt ġara.

Għalhekk minn qalbi nappella lil kulħadd biex jekk xi darba jew oħra wieħed jitħajjaw jidħol fit-tmexxija ta’ xi Għaqda, jara li jidħol għax-xogħol bl-akbar serjetà, responsabiltà u enerġija, u li bi skruplu jżomm fl-akbar għożża d-dokumenti uffiċjali ta’ dak kollu li l-Għaqda tkun ġa għaddiet u tkun għaddejja minnu. Meta jsir hekk is-Soċjetà jkollha moħħha mistrieħ li l-ġrajjiet tagħha m’ humiex se jispiċċaw maż-żmien.

Qabel niġi biex ngħati bidu għall-istorja tas-Soċjetà li dwarha sejrin nitkellmu, nixtieq minn qalbi nirringrazzja lil dawk kollha li bil-kooperazzjoni tagħhom għenuni nwassal l-istorja nteressanti tas-Soċjetà Filarmonika “SAN NIKOLA”.

 

Ħarsa Lura

Kull ħaġa li minn fuqha jgħaddi ż-żmien ikollha dduq ukoll it-tibdil li ġġib magħha l-ħajja. Dan it-tibdil iġib miegħu issa mumenti sbieħ u ta’ ferħ u ftit wara mumenti koroh u diffiċli. Iżda l-istess żmien ikun l-aqwa raġel għaliex permezz tal-mixja tiegħu jbiddel iċ-ċirkostanzi i jagħti t-tort jew ir-raġun lil min ikun tassew ħaqqu. Hekk hija magħmula l-istorja tal-ħajja tagħna. Biex wieħed jifhem aħjar il-bidu tal-Għaqda tagħna, tajjeb li nagħtu ħarsa ħafifa lura lejn is-Soċjetà Maltija ta’ tmiem is-seklu l-ieħor u l-mixja tagħha mas-snin ta’ wara. Fost it-tibdil li jġibb miegħu ż-żmien insibu l-progress fl-edukazzjoni. Minħabba l-faqar, it-tbatija u l-injoranza, il-biċċa l-kbira tal-poplu Malti sa ftit ta’ snin ilu kien imċħħad minn bosta drittijiet, fosthom dak għall-edukazzjoni xierqa. Kien hemm ukoll Maltin għaqlin li xtaqu jedukaw lil-ħuthom Maltin, iżda f’atmosfera ta’ mistrieħ wara ġurnata xogħol.

Biex jintlaħaq dan l-għan, fost l-oħrajn beda jsir f’pajjiżna t-twaqqif ta’ Ċentri Mużikali li permezz tagħhom, filwaqt li dak li jkun jieħu l-mistrieħ tiegħu b’mod li ma joffendi lil ħadd, ikun ukoll qiegħed jeduka ruħu. Permezz tat-tagħlim tal-mużika f’ dawn iċ-ċentri, kien qiegħed jiġi provdut delizzju sabiħ ta’ mistrieħ li jagħti pjaċir kemm lil min idoqq kif ukoll lil kull min jisimgħu.

B’ dan il-ħsieb insibu li għal ħabta tas-sena 1874 bdew jitwaqqfu dawn iċ-ċentri rikreattivi biex fihom u permezz tagħhom il-poplu jkun jista’ jistrieħ kif ukoll jeduka ruħu soċjalment. Hekk bdew jitfaċċaw f’pajjiżna l-orkestri u aktar tard bdew jiġu ffurmati l-baned.

 

Twaqqif ta' Ċentru fis-Siġġiewi

Fir-raħal tagħna, għalkemm fil-biċċa l-kbira tiegħu kien magħmul minn nies bdiewa, kienu jeżistu wkoll nies ta’ ċerta edukazzjoni u għerf li fil-qalb ġeneruża tagħhom kienu jħossu d-dmir li dak li kienu jafu huma kellhom jużawh ukoll għall-ġid ta’ ħuthom il-parroċċani. Xtaqu jedukaw lil ħuthom Siġġiwin moralment u soċjalment. Meta bdew jitwaqqfu ċ-ċentri li semmejna nsibu li, skond l-anzjani tagħna, għal ħabta tas-sena 1883 nibtu fost is-Siġġiwin persuni li riedu minn qalbhom jipprovdu lil niesna skop u mezz rikreattiv f’ċentri bħal dawk li kienu ġa bdew jitwaqqfu u jiġu ffurmati f’ Malta.

Fost dawn il-persuni jissemmew is-Sinjuri Nikol Scicluna, Pawlu chetcuti, Pietru Axisa, Gio Batttista Caruana u magħhom kien hemm ukoll il-Professur Nikola Zammit, M.D.

Ċertament li biex jifformaw ċentru bħaldan fi żminijiet tant diffiċli u li fihom kienu jeżistu u jirrenjaw il-faqar u l-injoranza, ta’ bilfors li riedu jkunu nies iddedikati u lesti għal kull sagrifiċċju. Iżda r-rieda ta’ dawn il-promoturi kienet qawwija u għalhekk it-triq infetħet u bilmod il-mod, bis-sagrifiċċji u bid-dedikazzjoni tagħhom, bdew ikellmu u jfiehmu lis-Siġġiwin dwar it-twaqqif ta’ dan iċ-ċentru rikrreattiv fir-raħal tagħna. Bdew jinkoraġġixxu lill-poplu tar-raħal tagħna biex aħna wkoll f’ raħalna jkollna Għaqda bħal ta’ ibliet u rħula f’ Malta li kienu ġa waqqfu dawn iċ-ċentri. Bdew ifiehmu lin-nies tar-raħal li ħaġa bħall din, bl-iskop ta’ tagħlim tal-mużika u rikreazzjonijiet soċjali oħra, isservi ta’ mistrieħ għall individwu u fl-istess ħin tedukah b’mod xieraq.

In-nies anzjani jiftakru li dawk il-parroċċani li kellhom għal qalbhom il-ġid tar-raħal tagħna ma qagħdux lura u ingħaqdu biex dan l-iskop tant ġenwin jintlaħaq għall-ġid tagħhom u ta’ raħalna.

Min-naħa l- oħra, iżda, dik is-sezzjoni ta’ nies li kienet tbati b’inferjorità minħabba n-nuqqas ta’ skola li kellhom, ma ħassewx li setgħu jipparteċipaw u wisq inqas jitgħallmu l- mużika. Iżda meta l-kliem ma waqax f’widnejn torox ikollok it-tama li leħnek jiġi mismugħ. Fil-fatt hekk ġara, għaliex wara xogħol kbir mill-promoturi u minn dawk li daħlu magħhom għal din il-ħidma rnexxilhom jiġbdu lejhom uħud minn dawk li ma kienu jistgħu iniżżluha qatt li twaqqif ta’ ċentru bħal dan seta’ jseħħ. B’ hekk, issa, b’għadd ta’ Siġġiwin magħhom, il-promoturi setgħu jagħtu bidu biex il-ħolma tagħhom isseħħ bil-fatti.

 

Isem u Skop taċ-Ċentru

Meta l-promoturi ngħaqdu kien imiss li jsir l-ewwel pass ‘il quddiem. Saret l-ewwel laqgħa ta’ din l-Għaqda li ngħatat ukoll isem. Bl- iskop ewlieni tat-tagħlim tal-mużika, ingħata l-isem ta’ “ SOCIETÀ FILHARMONICA DEI DILETTANTI”, u billi fost il-parroċċani kien jeżisti rispett kbir lejn it-tabib u Professur NIKOLA ZAMMIT, intweriet ix-xewqa li fl-isem tal-Għaqda jissemma wkoll dan il-bniedem għaref. B’ hekk biex tiġi sodisfatta x-xewqa tal-membri, l-Għaqda ħadet l-isem ta’ “SOCIETÀ FILHARMONICA DEI DILETTANTI-CIRCOLO NICOLÒ ZAMMIT”. B’ dan l-isem u b’ dan l-iskop twaqqfet l-ewwel għaqda tar-raħal tagħna s-Siġġiewi.

 

Amministrazzjoni

 

Issa kien imiss il-pass l-ieħor ‘il quddiem, dak li s-Soċjetà jkollha min imexxiha u jieħu ħsiebha. Minbarra dan riedu jsiru regoli li fuqhom trid titmexxa b’mod għaqli din is-Soċjetà u permezz ta’ dawn ir-regolimenti l-Għaqda setgħet tiġi rikonoxxuta mil-liġi ċivili tal-pajjiż.

Li sibt għad-dispożizzjoni tiegħi huma whud mir-regolamenti li kienu jammontaw għal total ta’ 74 regolament u li kienu ġew approvati bit-termini tal-liġi u mxandra bin-notifikazzjoni tal-Gvern bin-numru 454 tas-sena 1920, fit-22 ta’ Ġunju, 1923. F’ dawn ir-regolamenti nsibu li sentenza numru 40 turi ċar li l-kaxxier jirrapreżenta s-Soċjetà fil-qorti, mentri llum il-persuna responsabbli għas-soċjetà magħruf mil-liġi huwa s-Segretarju. Iżda peress li, kif sejrin naraw aktar ‘il quddiem, insibu li fis-sena 1893 is-Soċjetà u l-Banda kienu diġà bdew jidhru fir-Reġistru tal-Baned f’ Malta, allura nifhmu wkoll li bilfors kienu diġà jeżistu regolamenti oħra qabel dawn li għadni kif semmejt. Wieħed jifhem ukoll li r-regolamenti setgħu jitbiddlu minn żmien għal żmien permezz tas-Seduti Ġenerali Annwali jew Straordinarji biss.

Hekk naraw li fis-sena 1937 sar xi tibdil u żjieda  fir-regolamenti. Wieħed minn dawn kien li jiprojbixxi attivitajiet li b’xi mod jew ieħor ikunu ta’ natura politika li jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-soċjetà.

Fis-sena 1948-49 insibu li sar ukoll tibdil sostanzjali fir-regolamenti u l-istatut ingħata ordni permezz ta’ tqassim f’ kapitli.

Fis-sena 1970 sar arranġament fir-regolamenti li jitrattaw dwar il-vistu fis-Soċjetà.

Tibdil ieħor li sar fis-sena 1977 b’emenda fir-regolament li jippreċiża x-xahar li fih għandha titlaqqa is-Seduta Ġenerali Annwali ta’ kull sena, u mix-xahar ta’ Jannar ġie mtawwal għax xahar ta’ Frar, f’ liema xahar ikun laħaq sar kollox dwar id-dħul finanzjarju, b’ mod speċjali tad-draft mill-Lottu Pubbliku, għas-sehem tal-banks tas-soċjetà.

Illum insibu li r-regolamenti huma mqassmin b’ dan il-mod;

Kap. I                                   - “Isem”

Kap. II                                  - “Skopijiet”

Kap. III                                  -“Kompożizzjoni”

Kap. IV                                  -“Kumitat”

Kap. V                                   -“Soċi Bandisti”

Kap. VI                                  -“Soċi Sempliċi u Regolamenti Ġenerali”

 
 

Formazzjoni ta' Banda

 

Issa li rajna kif twaqqfet is-Soċjetà u x’sar dwar l-amministrazzjoni tagħha, tajjeb li naraw x’beda jsir biex jintlaħaq l-iskop oriġinali tas-Soċjetà, jiġifieri l-mużika.

Minkejja li n-nies tagħna kienu jaħsbu li trid ikollok xi intelliġenza kbira biex titgħallem il-mużika, it-tagħlim beda jsir. Għal dan ix-xogħol iebes daħal ċertu Piju Caruana Dingli miż-Żejtun li kien jaħdem piżatur id-dwana.

Il-bidu kien ta’nkoraġġiment kbir u qawwa l-qlub ta’ dawk li tassew xtaqu jitgħallmu l-mużika. Tant hu hekk li kienet ġiet ifformata orkestra tas-Soċjetà. B’ dan kien jidher li l-għan li ssir banda ntlaħaq u fil-fatt insibu li fis-sena 1893 il-banda tagħna bdiet tidher fil-lista tal-baned ta’ Malta.

Il-banda tagħna kienet ġiet reġistrata bl-isem ta’ “Nicolina” u bħala Surmast Direttur kellha f’dak iż-żmien lil Ruġġier Carabott. L-Isem tal-banda ma jħalli ebda dubju dwar il-qima u r-rispett li l-parroċċani tagħna kellhom lejn il-qaddis patrun tar-raħal San Nikola. Tant hu hekkli l-banda baqgħet bl-isem ta’ “NICOLINA” sas-sena 1934, meta nsibu li imbagħad il-banda ġiet reġistrata bl-isem propju tal-qaddis u għalhekk bdiet tissejjaħ Banda “San Nikola”, kif baqa’ u għadu sal-lum.

Mit-twaqqif tas-Soċjetà sal-lum, il-banda kellha dawn id-Diretturi li mexxewha

 

Ta’ min isemmi li fis-snin 1932/1933 minħabba kwistjoni li kienet firdet is-Soċi u anki l-Bandisti, il-Bandist Mikiel Ciantar ħa l-inkarigu li jkompli jgħallem u jmexxi l-banda bil-bandisti li kien hemm u baqgħu barra l-kwistjoni.

Wieħed jinnota wkoll li għal perjodu ta’ kważi ħames snin il-banda tagħna f’ dak iż-żmien tat-tieni gwerra dinjija, messitha d-daqqa ta’ ħarta li kienu ħadu kważi l-baned kollha ta’ Malta. Grazzi għall-qlubija u l-kuraġġ ta’ l-Asst. Surmast Giuseppe Muscat li baqa’ jitħabat u jgħallem żgħażagħ ġodda li bil-ftit bandisti li kien baqa’ u ma nġabrux bil-lieva, kien jikkunċertjahom u b’hekk baqa’ jżomm ħajja l-banda tagħna u salvaha mid-daqqa tal-mewt tagħha.

 

                  Isem

Mro. Piju Caruana Dingli

Mro. Ruġġieru Carabott

Mro. Carmelo Zammit

Mro. Salvatore Mallia

Mro. Gius. Saliba (Asst.)

Mro. Gius Muscat (Asst.)

Mro. Carmelo Mallia

Mro. Giovanni Vella

Mro. Joseph Darmanin

Mro. Carmelo Callus

Mro. John Mamo

Mro. Karmenu Vella (Asst.)

Mro. Raymond Zammit

Mro. Raymond Sant (Asst.)

Mro. Nicholas Vella

                        Pajjiż

Żejtun

Valletta

Żurrieq

Siġġiewi

Siġġiewi

Siġġiewi

Siġġiewi

Mosta

Sliema

Siġġiewi

B’Kara

Bormla

B'Kara

Siġġiewi

Siġġiewi

                        Data

1884-1888

1889-1893

1893-1900

1901-1935

1910-1922

1931-1955

1935-1939

1944-1950

1952-1956

1956-1962

1962-2001

1977-2001

2001-2009

2009-

2009-

 

Tmexxijja tas-Soċjeta'

Billi ġa għidt xi ħaġa dwar l-amministrazzjoni tas-Soċjetà, il-Banda u min mexxa l-banda, sejjer issa nagħti lista tal-persuni li mexxew il-kumitati kif kienu ġew magħżula mis-Seduti Ġenerali u/jew Straordinarji minn żmien għal żmien. Hawn nistħajjel li xi ħadd jgħid, għaliex insemmu l-Presidenti biss u mhux ukoll il-Membri kollha tal-kumitati! Hija ħaġa prattika u skond ir-regolamenti li l-persuna li tiġi maħtura ndividwalment mis-Seduti Ġenerali /Straordinarji/Annwali huwa propju l-President, li mbagħad wara taħtar 9 membri oħra u wara minn Seduta tal-bandisti jiġu magħżula żewġ bandisti għar-rappreżentazzjoni tal-banda fil-kumitat. Il-karigi jiġu mbagħad mogħtija mill-President flimkien ma’ l-istess membri li jifformaw l-istess kumitat, liema karigi jkunu jistgħu jinbidlu kull meta jkun meħtieġ mill-kumitat. Għalhekk il-karig tal-President biss hija l-kariga maħtura mis-Seduti Ġenerali Annwali u/jew Straordinarji.

Barra minn dan hija ħaġa li jifimha kulħadd li trid spazju kbir biex issemmi l-membri kollha li servew fil-Kumitati minn żmien għal żmien.

Issa nerġgħu nħabbtu wiċċna mal-istess problema tan-nuqqas tad-dokumenti uffiċjali biex insemmu l-Presidenti sa mill-bidu tat-twaqqif tas-Soċjetà. Għaldaqstant quddiem dan in-nuqqas, biex nipprovaw naslu kemm jista’ jkun ‘il quddiem fiż-żmien l-imgħoddi, wieħed ikollu jirrifletti dwar ċerti fatti u minnhom jipprova, bl-użu tas-sens komun, jiġbed konklużjoni li kemm jista’ jkun jersaq lejn il-verità tal-ġrajja.

Il-fatti juri li l-Professur Nikola Zammit kien igawdi rispett kbir fi ħdan is-Soċjetà u dan narawh mill-ewwel isem li ngħata lis-Soċjetà. Għalkemm nafu li kellu miegħu l-promoturi, nafu wkoll li Dr. Nikola Zammit dejjem xtaq jeduka lil min ma jafx u għalhekk nistgħu ngħodduh bħala Fundatur ewlieni tas-Soċjetà. Iżda billil-Professur Nikola Zammit ma kienx residenti fir-raħal ma nistgħux ngħidu jekk huwa okkupax il-kariga ta’ President għal xi żmien. Għalhekk ma neskludux il-fatt li l-kariga ta’ l-ewwel president seta’ okkupaha xi wieħed mill-promoturi l-oħrajn, jiġifieri s-Sinjuri Nikol Scicluna, Pawlu Chetcuti, Pietru Axisa, Gio. Batta Caruana jew forsi wkoll xi nies oħra li bdew jifformaw parti mis-Soċjetà fil-bidu tagħha, li servew ukoll fil-kumitat.

Għalhekk sa fejn nistgħu ngħidu, il-Presidenti li kellha s-Soċjetà kienu dawn:

Il-Profs. Nikola Zammit, M.D.  (Fundatur)              1883-1899

Insibu mbagħad jissemmew bħala Presidenti lil:

                  Isem

L-Avukat Nikola Delia, LL.D.

Is-Sur Ġużeppi Bonello

Il-Perit Joseph Farrugia,

B.Sc., B.E.& A., A.&C.E.

Is-Sur Francis Spiteri

Is-Sur Lwiġi Catania

Is-Sur Anġelo Vella

Il-Poeta Karmenu Vassallo

In-Nutar Nikola Said

It-Tabib Kalċidon Zammit

M.D., M.L.A.

Il-Poeta Karmenu Vassallo

It-Tabib Kalċidon Zammit,

M.D., M.L.A.

Is-Sur Franġisku Saverju Bezzina

Is-Sur Anton Mallia

In-Nutar Philip Said

Is-Sur Keith Abela

L-Avukat Hendrick Nicholas Magro

LL.B. (Hons) M.Adv (Melit)

    Data

1927-1932

1933-1936

1937-1943

o

1944-1944

1945-1946

1947-1947*

(acting president sa tmiem 1947)

1948-1956

1957-1962

o

1963-1963**

1963-1965

o

1966-1977

1978-1998

1998-2013

2013-2019

2019-

 

                        Pajjiż

Żejtun

Valletta

Żurrieq

Siġġiewi

Siġġiewi

Siġġiewi

Siġġiewi

Mosta

Sliema

Siġġiewi

B’Kara

Bormla

B'Kara

Siġġiewi

Siġġiewi

N.B.

* Peress li s-Sur Angelo Vella ġie maħtur fis-Seduta Ġenerali Annwali li saret nhar il-Ħadd, 19 ta’ Jannar, 1947, u ma kienx qed jattendi għas-seduti tal-kumitat, inħatar minfloku il-Poeta Karmenu Vassallo bil-kariga ta’ Acting President sa’ tmiem is-sena 1947

 

** Peress li l-Poeta Karmenu Vassallo kien irriżenja minn President fis-16 ta’ Settembru, 1963, saret Seduta Ġenerali Straordinarja fis-6 t’ Ottubru, 1963, li fiha inħatar President it-Tabib Kalċidon Zammit, M.D.

 

Stendardi li għandha is-Soċjeta'

Fir-residenza tas-soċjetà wieħed isib dawn il-Bandalori u Stendardi:

Bandalora bil-pittura magħmula mis-Sur Giuseppe Aquilina li kienet saret għall ħabta tas-sena 1936;

Bandalora oħra bil-mitra ta’ Isqof magħmula fis-sena 1886 mis-Sur Spiridione Buhagiar u li kienet ġiet regalata lis-soċjetà minn ibnu Girolamo fis-sena 1968.

Fis-sena 1931 bl-inizjattiva ta’ wieħed mis-soċi is-Sur Nikola Farrugia (imlaqqam il-Fattu), wara li ġabar flus mingħandi nies soċi u oħrajn mir-raħal, ġabar ukoll xi flus għal stendrd mingħand nies ħaddiema tax-xatt fejn kien jaħdem huwa wkoll. Meta ġabar il-flus meħtieġa sar l-istendard li kien iġib l-arma tal-Gran Mastru Ferrdinand Von Hompesch. Dan sar minħabba li r-raħal tagħna s-Siġġiewi fis-sena 1797, eżattament fit-30 ta’ Diċembru, il-Gran Mastru għoġbu jilqa t-talba mill-Kleru u l-poplu tar-raħal meta’ semma lir-raħal tagħna bħala “Citta Ferdinand” għal ismu. Dan l-istendard inħadem mis-sorijiet taż-Żejtun tal-Istitut tan-Nazzarenu, u kien ġie dikjarat bħala l-istendard uffiċjali tas-soċjetà.

Wara li sar dan l-istendard insibu li fis-sena 1947 ġie ordnat sett ta’ erba’ stendardi tas-suf għand id-ditta Turtle & Pearce ta’ Londra. Dawn kienu jirrapreżentaw il-bandiera Maltija, Ingliża, Amerikana u tal-Papa bit-trirenju. Fis-sena 1949 saru mbagħad sett ta’ tliet stendardi oħra imma din id-darba tad-drapp tal-ħarir li kienu Malti, Ingliż u tal-Papa. Dan is-sett kien wasal Malta fis-27 t’ Ottubru, 1949, minn Londra mill-istess ditta ta’ qabel jiġifieri Turtle & Pearce.

Fl-24 t’ Ottubru, 1945, il-Kumitat iddeċida li tiġi ordnata l-bandiera l-kbira li tittella’ fuq l-arblu tal-Każin fil-jiem tal-Festa Titulari. Din il-bandiera hija tad-drapp tas-suf u magħmula fuq id-disinn tas-Sur Giuseppe Aquilina mis-siġġiewi. Hija kbira 18’ x 13’ u qamet lis-soċjetà s-somma ta £36.0s.0d u żżanżnet għall-festa tas-6 ta’ Diċembru 1946.

Fis-sena 1951 permezz ta’ arbular inġabar ammont ta’ flus mill-kumitat u sar l-istendard li fuqu jġib l-arma tas-Siġġiewi bil kelma fuqu “Siġġiewi”. Dan l-istendard sar fil-kunvent tan-Nazzarenu taż-Żejtun mis-sorijiet fuq disinn tas-Sur Karmenu Vassallo mir-Rabat (Malta). Dan l-istendard ħa post l-istendard uffiċjali ta’ qabel.

Nhar il-Ħadd, 9 ta’ Lulju, 1972, saret l-ewwel quddiesa solenni ta’ ħames qassisin ġodda f’ daqqa mis-Siġġiewi. F’ din l-okkażżjoni l-Banda tagħna ħadet sehem billi akkompanjat lis-saċerdoti ġodda mid-dar parrokjali sal-Knisja. Qabel il-bidu tal-korteo, s-saċerdoti l-ġodda ppreżentaw stendard lis-Soċjetà li huwa tal-ħarir u bil-pittura tas-simbolu tal-imħabba mdawwar bil-ħames armi tal-kunjom tal-ħames qassisin. Ix-xogħol tal-pittura sar mis- Sur Jos. Busuttil (mis-Siġġiewi). Dan l-Istendard ġie imbagħad imbierek mill-Arċisqof Mikiel Gonzi ġewwa l-każin fl-okkażżjoni ta’ riċeviment li l-każin ta lill-wqassisin il-ġodda u l- familjari tagħhom nhar it-Tlieta, 11 ta’ Lulju 1972, li fih l-Arċisqof Gonzi kien il-mistieden ta’ l-unur.

Stendard ieħor ġie preżentat lill-banda u s-Soċjetà mir-Reverendu Anthony Cassar u l-familja fl-okkażżjoni ta’ l-ewwel quddiesa solenni tiegħu fil-parroċċa, nhar il-Ħadd 28 ta’ Lulju 1974. Ta’ min jgħid li skond ix-xewqa tal-President u l-Kumitat ta’ dak iż-żmien, dan l-istendard sar fuq disinn riproduzzjoni tal-istendard likien sar fl-1931 u li kien issa qdiem u beda wkoll jiżżarrad. Dan l-istendard sar għas-spejjeż tal-familja Albert Cassar u maħdum mis-Sinjura Anna giordmaina (mis-Siġġiewi).

Fis-sena 1975, emigranti Siġġiwin fl-Awstralja kellhom skop li jagħmlu xi preżentazzjoni lill-banda u s-Soċjetà. Ġara li fis-sena 1974 kien emigra lejn l-Awstralja s-Sur Nikola Baldacchino li kien membru tal-Kumitat tas-Soċjetà tagħna. Is- Sur Nikola Baldacchino kellu f’ rasu li jaħdem kemm jista biex issir preżentazzjoni ta’ stendard mill-emigranti Siġġiwin lill-Każin tal-Banda ta’ raħal twelidhom. Dan il-ħsieb kien ikkomunikah lir-Rev. Francis Buhagiar mis-Siġġiewi li kien jaħdem fost l-emigranti fl-Awstralja u kien ukoll Chairman ta’ kumitat organizzativ tal-Emigranti Siġġiwin fl-Awstralja u kien ukoll Chairman ta’ Kumitat Organizzattiv tal-emigranti Siġġiwin fl-Awstralja.

Allura ġie deċiż li l-preżentazzjoni li minn qabel kellhom il-ħsieb li jgħamlu jkun stendard. B’ dan il-ħsieb saru kuntatti bejn il-President F.S. Bezzina u r-Rev Francis Buhagiar fejn minbarra li ġie muri lill-President il-ħsieb li jsir stendard, dan il-proġett kellu jibqa mistur biex meta ssir il-preżentazzjoni tiegħu tkun bħala sorpriża kemm għall poplu tar-raħal u wkoll għall familjari tal-emigranti fis-Siġġiewi.

Ġiet mitluba l-ideja tal-President dwar id-disinn li għandu jsir fuq dan l-istendard ġdid. Peress li l-istendard li kien sar fis-sena 1951 kien beda jiżżarrad, il-president issuġġerixxa żewġ punnti dwar dan li kienu li ssir riproduzzjoni tal-barrani tad-disinn l-istess tal-istendard li sar fl-1951 u peress li kull stendard uffiċjali li kien sar s’issa qatt ma kien fih l-arma proprja skond l-isem tal-Banda u s-Soċjetà, jiġifieri ta’ San Nikola, f’ dan l-Istendard il-ġdid issir l-arma ta’ San Nikola, jiġifieri l-Mitra, il-Baklu, is-Salib u l-Ktieb tal-Vanġelu. L-ideja tal-President intgħoġbot mill-Kumitat Organizzativ fl-Awstralja u l-President tas-soċjetà għamel sketch u fuqu nħadem dan l-istendard il-ġdid. Ix-xogħol tal-ħjata u r-rakmu tal-arma sar mis-Sinjura Annie giordmaina (mis-Siġġiewi) filwaqt li x-xogħol tal-kruċetta u l-lasta sar mid-ditta Jos. Aquilina ta’ Ħal Qormi.

Dan l-istendard il-ġddid sewa’ s-somma ta’ £M392.50,0 u qiegħed għal qalb dawk l-emigranti kontributuri Siġġiwin tant li meta jiġu Malta għal xi vaganza jitolbu biex jarawh.

Dan l-istendard il-ġdid, wara li f’ lejliet il-festa nhar is-Sibt, 19 ta’ Ġunju, 1976, ġie maħruġ mid-dar parrokjali u mdawwar mal-banda waqt il-Marċ, waqt programm Vokali/Strumentali ġewwa l-pjazza ġie ppreżentat mis-Sur Paul Azzopardi u s-Sinjura tiegħu f’isem l-Emigranti Siġġiwin Kontributuri lill-Presidenti, u ġie mbagħad imbierek mid-Direttur Spiritwali tas-Soċjetà ir-Rev. Dr. N. Aquilina, B.A., Lic.D., D.Litt. (Milan), fost applaws kbir mill-folla preżenti fil-pjazza.

 

Uniformijiet lill-Bandisti

 

Issa, wara li semmejna l-istendardi, il-Bandalori u l-Bandiera uffiċjali tas-Soċjetà, ta’ min isemmi wkoll li, fiż-żmien, il-bandisti tagħna kellhom uniformi li kienet attraenti ħafna.

Dawn l-unifromijiet kienu saru fis-sena 1945 u kienu jikkonsistu f’ beritta, qalziet u ġakketta. Il- qalziet u l-ġaketta kienu bojod u l-ġakketta kellha żewġt ibwiet żgħar fuq u tnejn kbar isfel mal-ġnub u dawn kienu jingħalqu b’ erba’ buttini tar-ram isfar. Fuq iż-żewġ pavri tal-ġakketta kienu jitwaħħlu żewġ arpi mużikali tar-ram isfar ukoll filwaqt li fuq l-ispallejn kienu jitwaħħlu par spalletti suwed b’disinn dehbi. Il-beritta b’ cover abjad u fuq il-pizz ħabel maħdum dehbi, filwaqt li fin-nofs kellha badge tad-drapp li kien iġib l-arma tal-Qaddis San Nikola li għalih hija msemmija l-Banda. Dawn il-badges ġew mibdula ma’ oħrajn ġodda li saru bl-inizjattiva tas-Sur Nikola Farrugia minn emigranti Siġġiwin fl-Awstralja li fost oħrajn għamlu ferm tajjeb għalihom is-Sinjuri Paul Azzopardi u Joe Vella. Dawn il-badges ġew ippreżentati mir-Rev. Francis Buahgiar lill-President tas-Soċjetà s-Sur Anton Mallia nhar il-Ħadd, is 16 ta’ Settembru, 1980, f’ laqgħa apposta ġewwa l-każin.

Attivitajiet li saru mill-Banda

Wara li rajna diġà dwar il-formazzjoni tal-Banda, id-Diretturi li mexxewha u l-Assistenti tagħhom, naraw issa l-attivitajiet li wettqet bi Programmi mużikali fir-raħal u wkoll barra r-raħal. Fir-raħal tagħna xi xjuħ anzjani jsostnu li l-banda, meta kienet għadha forma ta’ orkestra, kienet tieħu sehem f’ xi lotteriji u logħob li kien isir fil-pjazza u anke ġieli saret xi fiera fil-post magħruf bħala l-Wied taż-Żebbuġi kif ukoll f’tombli li kienu jsiru mill-istess Każin ġewwa l-pjazza.

Dawn l-anzjani tagħna jsostnu li l-banda kienet torganizza bħall marċ u kienet tmur iddoqq wara l-bieb ta’ nies prominenti u professjonijist u wkoll wara bibien ta’ ħwienet. Dan kienu jagħmluh fiż-żmien tal-milied u l-Istrina u kien magħruf mal-parroċċani bħala l-programm “tal-kbar”. Dan kien isir b’ żewġ skopijiet, l-ewwel biex iferrħu n-nies fil-ġranet sbieh tal-Milied u l-Istrina u t-tieni skop kien biex minn dan il-programm kienu jiġbru xi ħaġa tal-flus għas-Soċjetà.

Ix-Xjuħ tagħna jkomplu jgħidu li dan id-daqq baqa’ jsir sakemm darba, waqt li l-banda kienet qed iddoqq wara l-bieb tal-Kappillan, xi ħadd induna li kien hemm xi miċċa taqbad. Xi ħadd kuraġġuż resaq fuqha u tfiha u mn’Alla għax dik kienet bomba li kieku ħadet min jaf x’ kien jiġri.

Kungress Ewkarisitku 1913

Fi żmien il-Kungress Ewkarisitku tal-1913 li kien sar f’ malta, il-kappillan tal-parroċċa l-W. Rev. Mikiel Farrugia fuq ix-xewqa tal-poplu tar-raħal stieden lill-E.T. Mons. Francesco Maria Berti, O.F.M., Isqof ta’ Amelia ġewwa l-Umbria, l-Italja. Dan l-Isqof aċċetta l-istedina u nhar is-Sibt, 26 t’ April, 1913, ġie fil-parroċċa biex imexxi funzjoni Ewkarisitika li saret fil-parroċċa tagħna. Għal din l-okkażżjoni l-Banda tagħna bl-isem ta’ “Nicolina” ħadet parti permezz ta’ daqq ta’ marċi brijużi waqt id-dimostrazzjoni li saret lill-Isqof mit-tarf tar-raħal (imsejjaħ ta’ Kirċippu) sal-Knisja Parrokjali. Dan is-sehem tal-banda nsibuh pubblikat fil-ġurnali ta’ dak iż-żmien li kienu “MALTA” u oħra “MALTA GĦADHA TAGĦNA” bin-numru 8896 tad-29 t’April, 1913 u bin-numru 1366 ta’ l-10 ta’ Mejju , 1913 rispettivament.

Ħal-Xluq u tal-Providenza

Fit-tielet Ħadd t’ Awwissu ta’ kull sena ssir il-festa ta’ Sta. Marija f’ Ħal Xluq u fit-tieni Ħadd ta’ Settembru ssir il-festa tal-Madonna tal-Grazzji f’Tal-Providenza. Għal żmien twil f’dawn  il-festi l-prokuraturi ta’ dawn iż-żewġ knejjes kienu jistiednu lill-banda biex tagħmel daqsxejn ta’ marċ u programm.

Festi ta’ Corpus u l-Qalb ta’ Ġesù

F’ dawn il-festi fir-raħal, il-banda kienet tieħu sehem id-daqq ta’ innijiet sagri waqt l-akkompanjament mal-purċissjoni bis-Sagrament. Wieħed kien jinnota li waqt il-ħruġ u d-dħul fil-knisja tas-sagrament, kien jindaqq salut minn fuq il-bejt qrib il-Knisja magħruf bħala l-bejt tal-putes.

Festa ta’ San Ġużepp fir-raħal

Permezz tal-prokoratur ta’ din il-Festa, u l-Fratelli Carmelo Borg u Antonio Farrugia li kienu jiġbru l-mezzi finanzjarji, ta’ kull sena l-prokoratur Rev. Ġużeppi Aquilina, kien jistieden il-banda biex waqt il-purċissjoni kienet tesegwixxi programm mużikali fil-pjazza.

 

Kungress tax-Xirka tal-Isem Imqaddes t’Alla

Fil-Kungressi tax-Xirka tal-Isem Imqaddes t’Alla li kienu jsiru fis-Siġġiewi l-banda kienet tieħu sehem fil-korteo bid-daqq ta’ innijiet tax-Xirka kontra d-dagħa u dawn is-servizzi l-banda kienet tgħamilhom b’ xejn.

Marċ u Programm tal-Victory Day

Wara r-rebħa ta’ l-Alleati fit-Tieni gwerra dinjija (1939-1944) il-banda għamlet marċ u programm mużikali ġewwa r-raħal fit-2 ta’ Settembru 1945.

San Nikola mill-Belt għas-Siġġiewi

Fis-sena 1959 meta l-parroċċa kellha bħala Kapillan ( u fl-aħħar sar l-ewwel Arċipriet tal-parroċċa għax fi żmienu l-knisja saret Arċipretali) lil Dun Pawl Attard, l-istatwa ta’ San Nikola ġiet indurata. Meta tlestiet u ġabuha lura l-banda “San Nikola”, flimkien mal-banda “San Ġużepp” ta’ Ħal Għaxaq, laqgħuha bid-daqq tal-marċi meta ġiet mikxufa fit-tarf tar-raħal mill-Kappillan u kompliet tiġi mdawra minn Triq Ramija, Triq il-Kbira u l-Pjazza San Nikola imbagħad għal-ġewwa l-Knisja, fost il-ferħ tal-parroċċani, id-daqq tal-banda, u sparar ta’ bombi u musketterija. Din il-festa saret nhar il-Ħadd, 14 ta’ Ġunju, 1959.

 

Programm minflok ta’ San Nikola

Peress li fil-festa ta’ San Nikola tas-sena 1962 il-Banda ma tħallietx tieħu parti, il-Kumitat iddeċida li jagħmel programm. Dan sar nhar il-Ħadd, 23 ta’ Settembru 1962.

 

Tlugħ is-Salib tal-Għolja

Wara li l-ewwel salib li kien hemm twaqqa’ mill-irwiefen u l-maltemp, sar ieħor ġdid u ttella’ flok il-qadim nhar il-Ħadd, 25 t’ Awwissu, 1963, u saret ċerimonja u t-tberik tas-salib minn Mins. E. Galea, Vigarju Ġenerali. F’ din l-okkażżjoni l-banda esegwiet programm mużikali fuq il-quċċata tal-għolja sewwa sew quddiem il-kappella ta’ l-istess salib, taħt id-direzzjoni ta’ Mro. John Mamo.

Fl-Indipendenza

Fis-16 ta’ Settembru, 1964 il-banda għamlet marċ b’tifkira tal-indipendenza li kellha tingħata lil Malta mill-Gvern ingliż ħamest ijiem wara, jiġifieri fil-21 ta’ Settembru, 1964.

 

Promozzjoni tas-Siġġiewi Football Club

Fid-19 ta’ Mejjju, 1974, fl-okkażżjoni tal-promozzjoni għat-Tieni Diviżjoni tat-team tas-Siġġiewi F.C., il-banda “San Nikola” għamlet marċ ta’ ferħ li fih ħadu sehem players, supporters u l-Kumitati tal-Każin tal-Football u tal-Każin tal-Banda.

Twaqqif tal-Monument lil Dr. N. Zammit

Nhar is-Sibt, 4 ta’ Ġunju, 1977, l-Għaqda Kulturali tas-Siġġiewi, fost il-festi li organizzat għat-twaqqif tal-monument tal-Professur NIKOLA ZAMMIT M.M., stiednet il-banda “San Nikola” biex tieħu sehem fil-manifestazzjoni tal-kxif ta’ dan il-monument.

Il-Banda bdiet b’marċ minn Triq il-Parroċċa għal Triq il-Mitħna, daret għal Triq Dr. Nikola Zammit sa ma waslet safejn il-monument. Mal-wasla tal-Arċisqof Mons. M. Gonzi u tal-President tar-Repubblika Dr. Anton Buttiġieġ, il-banda daqqet l-Innu Pontifiċju u l-Innu Nazzjonali rispettivament. Wara d-diskorsi tal-okkażżjoni u l-kxif tal-monument mill-President tar-Repubblika, il-banda daqqet l-innu tal-Banda “San Nikola” u l-Innu Nazzjonali. Wara l-Kumitat tal-Każin tal-Banda u l-bandisti ħadu sehem f’riċeviment li sar għall mistednin fid-dar “Vincent Palace” fl-istess triq. Fiċ-ċerimonja l-President u s-Segretarju tal-Każin tal-Banda poġġew kuruna f’riġlejn il-monument bħal ma’ għamlu Għaqdiet oħra.

 

Promozzjoni tas-Siġġiewi Basketball Club

Fl-okkażżjoni tal-promozzjoni għall-Ewwel Diviżjoni tat-team tal-Basketball, nhar il-Ħadd 26 t’April, 1981 il-banda “San Nikola” għamlet marċ mit-tarf tar-raħal, daret il-pjazza u wasslet fost il-briju tal-marċi lill-players safejn il-Klabb tal-Basketball, f’ nru 79, triq San Nikola fejn wara ġew ippreżentati trofej, fosthom mill-President tal-Każin tal-Banda is-Sur Anton Mallia.

 

Festi ta’ San Nikola

F’ kull festa titutlari tal-Qaddis Patrun tar-raħal San Nikola l-banda tipprepara bil-kunċerti ta’ mużika klassika u marċi brijjużi biex tieħu sehem fil-ġranet tal-festa. F’ dawn l-okkażżjonijiet il-banda kienet tieħu sehem fl-aħħar tridu tal-festa. F’ lejlet u nhar il-festa kienu jinġiebu baned barranin. Fis-sena 1964 il-banda “San Nikola” kienet esegwiet ukoll programm f’lejliet il-festa li fih indaqq l-“innu popolari lil San nikola ta’ Bari”, mużika ta’ Mro. Karm. Mallia u versi tal-Poeta karmenu Vassallo; iżda peress li l-vuċijiet ma kienux taw interpretazzjoni sodisfaċenti dan l-innu kien ġie għal mmument imwarrab. Fis-sena 1948, fis-6 ta’ Diċembru, il-banda kienet daqqet l-innu waqt il-ħruġ tal-istatwa mill-knisja bil-purċissjoni. Dan l-innu, b’mużika ta’ Mro. Giuseppe Muscat u versi tal-Poeta Karmenu Vassallo kien tkanta fuq iz-zuntier mit-tfal tal-Mużew tar-raħal. Jingħad li qabel dawn l-innijiet kien jindaqq innu li kien bit-Taljan.

L-innu li ġa semmejna u għidna li kien ġie mwarrab minħabba l-vuċijiet, ġie rranġat biex jieħu sehem fih il-kor ukoll. Dan ġie imbagħad esegwit lejlet il-festa 1964 bl-akbar suċċess mit-tenur Andrew Sapiano, il-baxx Joe Vella Bondin, u l-Kor tas-Siġġiewi taħt id-direzzjoni ta’ Rev. Daniel Farrugia, Direttur tal-Kor. Minn din is-sena ‘l quddiem, dan l-innu baqa’ jindaqq regolarment f’lejliet kull festa titutlari.

Fis-sena 1950 f’lejlet il-festa nhar is-Sibt 5 ta’ Diċembru, il-banda għamlet marċ li kien beda f’nofsinhar minn fejn il-knisja u kif wasal quddiem l-istatwa ta’ San Nikola fil-pjazza, ġiet maħruqa musketterija mżewqa b’xi erba’ bombi mdaqqsa  minn Salvu Cassar (imlaqqam iz-Zozz). Din kienet l-aħħar festa li saret fix-xitwa għaliex wara talba għat-trasferiment mix-xitwa għas-sajf, b’digriet maħruġ mill-Kurja Arċiveskovili bid-data tat-28 ta’ Frar 1951, il-festa ġiet trasferita għall-31 ta’ Mejju jew f’xi Ħadd li jiġi wara.

Dan l-arranġament għat-tibdil tal-festa mis-sitwa għas-sajf, għas-Soċjetà tagħna kien ta’ inkoraġġiment għax qabel, minħabba l-maltemp, l-organizzazzjoni kienet issir dejjem b’nofs qalb għax ma tqawwix qalbek meta tieħu dak ix-xogħol kollu u ħafna drabi jisfrattalek kollox.

Dan l-inkoraġġiment wassal biex il-banda tibda tagħmel aktar marċi għal matul it-tridijiet tal-festa, u nsibu li beda jsir marċ fl-ewwel tridu u fl-aħħar tridu tal-festa. Il-marċ ta’ l-ewwel tridu beda jsir bl-iskop li d-dilettanti tan-nar ikunu jistgħu jieħdu sehem u jiddevertu f’ dan il-marċ peress li tul il-ġranet l-oħra tal-festa jkunu mpenjati b’xogħol kbir għall ħruq tan-nar. Fis-sena 1977 bdew isiru żewġ marċi fit-tridijiet tal-festa, jiġifieri fl-ewwel u l-aħħar tridu, u dejjem naturalment isir il-programm vokali/strumentali f’ lejlet il-festa, u qabel il-programm mużikali jsir marċ. Fis-sena 1979 il-marċi bdew isiru l-Ħamis u l-Ġimgħa, u s-Sibt bħas-soltu l-marċ u l-programm vokali/strumentali.

Fis-sena 1981 fuq xewqa kbira taż-żgħażagħ Siġġiwin, ħafna minnhom membri tas-Soċjetà, fis-Seduta Ġenerali Annwali li saret nhar il-Ħadd, l-1 ta’ Marzu 1981, ġie deċiż li dment li jiġu provduti l-mezzi finanzjarji jibda jsir marċmill-banda tagħna nhar il-festa filgħodu. Din ix-xewqa taż-żgħażagħ għal dan il-marċ, li ġiet approvata mill-imsemmija Seduta Ġenerali Annwali, sabet oppożizzjoni mill-Arċipriet tal-Parroċċa Dun Joe Carabott. Minkejja din l-oppożizzjoni, id-deċiżjoni ttieħdet u l-marċ ta’ filgħodu beda jsir b’entużjażmu kbir mis-sena 1981 stess.

Saċerdoti u Kapillani Ġodda

Ix-Xjuħ tagħna jsostnu li l-banda kemm bl-isem ta’ “Nicolina” u kemm “San Nikola”, mis-sena 1912 dejjem ħadet sehem fil-festi ta’ l-ewwel quddiesa solenni taż-żgħażagħ kollha Siġġiwin li saru saċerdoti. Ġara iżda proprju f’din l-istess sena 1912 ġew ordnati tlett saċerdoti f’daqqa, jiġifieri fil-21 ta’ Diċembru, 1912, li kienu Dun Franġisku Saverju Mangion, Dun Ġużepp Aquilina (ta’ Randa) u Patri Adeodato Schembri, O.E.S.A. Iżda kien impossibli li jsiru tlett servizzi mill-banda wara xulxin għax kienu jirrikjedu spejjeż kbar għall każin. Biex sehem il-banda jsirgħal wieħed u għat-tnejn l-oħra ma jsirux ma kinitx ħaġa sabiħa, u għaldaqstant ġie deċiż li l-banda ma tieħux sehem f’ta’ ħadd minnhom it-tlieta.

Ta’ min isemmi li s-Soċjetà u l-banda dejjem ħadu sehem f’okkażżjonijiet bħal dawn, anki ta’ dawk iż-żgħażagħ li ġew ordnati saċerdoti barra minn Malta meta ġew lura u ċċelebraw għall-ewwel darba l-ewwel quddiesa fil-parroċċa tagħna.

Għalhekk insibu li l-banda ħadet sehem f’kull ċelebrazzjoni mill-1921, meta Dun Ġużepp Camilleri, nhar il-Ħadd, 29 ta’ Mejju, 1921, u baqghet sejra regolarment kif jidher hawn taħt:

 

Rev. G. Camilleri

Rev. N. Mifsud

Rev. G. Delia, S.J.

Rev. A. Vella

Rev. G. Aquilina

Rev. B. Delia, O.F.M. (Cap)

Rev. D. Farrugia

Rev. C. Tonna

Rev. N.Curmi, S.S.P.

Rev. N. Aquilina

Rev. D. Schembri

Rev. P. Aquilina, S.J.

Rev. J. Schembri, S.J

Rev. F. Buhagiar

Rev. D. Cutajar

Rev. Ġ. Grima

Rev. P. Schembri

Rev. K. Vassallo

Rev. M. Vassallo

Rev. F. Calleja, O.S.A.

Rev P. Aquilina, O.S.A.

Rev. A. Cassar

Rev. D. Balzan

Rev. Ch. Attard

Rev. J. Gatt

1921

1927

1930

1931

1941

1950

1951

1952

1959

1967

1967

1968

1970

1971

1972

1972

1972

1972

1972

1972

1973

1974

1975

1977

1981

Kif diġa ġie spjegat din il-lista tasal biss sal-bidu tas-snin tmenin. Il-Banda San Nikola kompliet minn dak iż-żmien tgħati servizz f'dawn l-okkażjonijiet tant importanti. 

 

Kif wieħed jista’ jara mill-lista li tajna, fis-sena 1972 ġew ordnati f’daqqa ħames saċerdoti żgħażagħ mis-Siġġiewi. Meta sejrin ngħidu li l-banda ħadet sehem fl-okażżjoni tal-ewwel quddiesa ta’ dawn il-ħamsa l-banda daqqet u meta saru tlieta f’ daqqa fis-sena 1912 il-banda ma daqqetx?! Ir-raġuni hija li fis-sena 1912 ma kinitx issir konċelebrazzjoni, jiġifieri quddiesa b’ aktar minn qassis wieħed, iżda f’ dan il-każta’ l-aħħar il-konċelebrazzjoni setgħet issir kif fil-fatt saret mil-ħames qassisin f’daqqa u għalhekk saret festa waħda għall-ħamsa f’salt u f’ħin wieħed.

Ta’ min isemmi li mis-sena 1960, saret drawwa li minflok kif kien isir qabel u l-banda barra li kienet iddoqq kienet ukoll tixtri rigal xieraq u tirregalah lill-qassis il-ġdid, beda jsir li wara li l-banda tieħu sehem fl- ewwel quddiesa, f’ xi ġurnata wara l-qassis il-ġdid u l-familjari tiegħu jiġu mistiedna l-każin biex isir daqsxejn ta’ riċeviment. F’ din l-okkażżjoni, il-qassis il-ġdid filwaqt li flimkien mal-familjari jirringrazzjaw lill-Kumitat u l-Banda, jippreżentaw huma rigal sabiħ lis-Soċjetà bħala tifkira tal-okkażżjoni. Qabel l-1960 rigal bħall dan kien jiġi ppreżentat lill-President immedjatament wara l-festa tal-qassis fid-dar.

Kappillani u Arċipriet

Minbarra s-sehem tal-banda fl-okkażżjonijiet ta’ l-ewwel quddiesa taż-żgħażagħ Siġġiwin, il-Banda tieħu sehem ukoll fil-festi tal-Pussess tal-Kapillan/Arċipriet li jinħatru fil-parroċċa tagħna. L-istess ngħidu li beda jsir fir-rigward ta’ riċeviment u r-rigal tal-Arċipriet ġewwa l-Każin, f’ xi ġurnata wara l-pussess, u dan beda jsir hekk, mis-sena 1960 ukoll.

Dawn kienu l-Kappillani u Arċiprieti li l-banda ħadet sehem fil-festa tal-pussess tagħhom:

W. Rev. Franġsiku Bonanno

W. Rev. Franġisku Saver Mangion

W. Rev. Nikola Aquilina

W. Rev. Pawlu Attard

W. Rev. Alwiġi Deguara

W. Rev. Joe Carabott

W. Rev Kan. Ġużeppi Theuma

W. Rev Kan. Lawrenz Mifsud

fl-1913

fl-1932

fl-1952

fl-1957

fl-1960

fl-1976

fl-1981

fl-1983

Kif diġa ġie spjegat din il-lista tasal biss sal-bidu tas-snin tmenin. Il-Banda San Nikola kompliet minn dak iż-żmien tgħati servizz f'dawn l-okkażjonijiet tant importanti. L-aħħar servizz ta' dan it-tip seħħ fis-sena 2019, fejn għall darba fl-istorja, il-Banda San Nikola daqqet flimkien mas-Siġġiewi Festival Brass Band f' Jum il-Pussess tal-W. Rev. Josef Mifsud.

 

Attivitajiet oħra fl-inħawi tar-raħal

Ċertament kulħadd jaf li fl-inħawi tar-raħal tagħna hemm dik id-dar li tilqa’ fiha persuni li huma inqas ixxurtjati minna fil-ħajja. Din hija id-Dar tal-Providenza li hija għal qalb ħafna u ħafna nies. Il- Kumitat u is-Soċjeta’ wkoll għandhom għall qalbhom dawk in-nies rikoverati f’ din id-dar u għalhekk il-Kumitat fis-sena 1977 iddeċida li jibda jferraħ permezz tal-banda lil-dawk il-morda b’ daqq ta’ Carols fiż-żminijiet sbieħ tal-Milied. Din l-ideja tal-Kumitat għoġbot ħafna lid-Direttur tas-sar, Mons. Mikiel Azzopardi, u mis-sena 1977 il hawn dan il-programm baqa’ jsir kull sena mill-banda “San Nikola”.

Il-Banda fi żmien ta’ Vistu

S’ issa rajna l-banda tagħmel Marċi brijjużi u ddoqq bċejjeċ mużikali klassiċi u ferrieħa fi ġranet sbieħ u ta’ festa. Iżda din l-istess banda “San nikola” rajniha bid-daqq tagħha, bħalma jgħid William Shakespeare, “trattab il-qalb ta’ mara u tbikki l-għajnejn ta’ raġel”. Hekk rajniha tagħmel bid-daqq ta’ swied il-qalb fil-funerali ta’ :

Mro. Salvatore Mallia, Direttur tal-Banda, is-Sibt, 27 ta’ Marzu 1927

Franġisku Balzan, Bandist, il-Ħamis, 30 ta’ Jannar, 1947

Carmelo bezzina, Bandist, it-Tnejn 10 t’ Ottubru, 1960

Nikola Bonello, Bandist, il-Ġimgħa, 30 t’ Awwissu, 1968

Nazzareno cachia, Bandist u Delegat fil-Kumitat, it- Tlieta 8 ta’ jannar, 1974

Mons. F.S. Mangion, Can. Cap. (Direttur Spiritwali tas-Soċjetà mis-sena 1944 sal-1974) il-Ġimgħa, 18 ta’ Jannar 1974.

Sa mis-snin tmenin, il-banda kompliet issellem lill-diversi individwi.

Servizzi Mużikali barra r-Raħal

Il-Banda “San Nikola” għamlet servizzi mużikali barra r-raħal kif ser insemmu:

Fil-Belt: Fis-Silver Jubilee tar-Re George V u fl-Inkonorazzjoni tar-Re George VI, fl- 1935 u fl- 1936; fil-Lotterija Nazzjonali fl-1967; Fil-Belt Valletta: Festa ta’ San Pawl; F’ Birkirkara: Festi ta’ Sta. Helena u Marija Bambina; Għargħur; Gzira, Mqabba (Sta. Marija); Ħal Kirkop (San Leonardu); Qrendi (Sta. Marija); Ħal Qormi (San Ġorġ); Ħal Qormi (San Bastjan u ċ-Ċentinarju tal-Każin tal-Banda); Ir-Rabat (Malta) fil-festi ta’ San Pawl, corpus u San Ġużepp, Sannat (Għawdex) festa ta’ Santa Margerita; sliema (Stella Maris); Ħaż-Żabbar (Tal-Grazzja) u iż-Żejtun (Santa Katerina).

 

Pubblikazzjoni mill-Każin

Għal perjodu ta’ żmien, il-manifestazzjonijiet tal-festa titulari kienu jixxandru minn fuq il-ġurnali lokali għall-informazzjoni b’ mod speċjali għan-nies ta’ barra mir-raħal. Din il-publikazzjoni kienet tiġbot fiha l-attivitajiet tal-funzjonijiet fil-knisja u dawk esterni.

Fis-sena 1966 il-każin beda jistampa fuljett bl-attivitajiet li tkun ser tesegwixxi l-banda San Nikola fil-jiem tal-festa. Fuq l-inizjattiva u tħabrik tas-Segretarju Attwali, is-Sur Carmel Aquilina, fis-sena 1972 beda jiġi ppubblikat ktejjeb li fih ikopri messaġġi għall-festa mill-President, mis-Segretarju, mid-Direttur Spritwali tas-Soċjetà u mill-Arċipriet tal-parroċċa. Fil-paġni tan-nofs ikun jidher il-Programm tal-attivitajiet tal-Banda fil-jiem tal-festa li tkun sejra tagħmel f’dik is-sena korrenti. Fil-paġni l-oħra jixxandru diversi tagħrif fuq il-festa, fuq ir-raħal tagħna u affarijiet li jinteressaw lill-parroċċani biex isiru jafu aktar fuq raħalna. Jixxandru wkoll poeżiji kemm antiki kif ukoll li jinkitbu ġodda ta’ poeti magħrufa mis-Siġġiewi u persuni dilettanti tal-vrus li bihom jinsġu tifħir lil San Nikola u raħal twelidna. Fih jingħata tagħrif dwar il-premjazzjoni tar-rebbieħa fil-konkors li jkun ġa mniehdi minn fuq dan il-ktejjeb minn sena għall-oħra u wkoll fuq ir-rivista “Is-Siġġiewi”. Jiġu għalhekk imxanda  wkoll ix-xogħolijiet tar-rebbieħa li jkunu essays u poeżiji fuq ir-raħal u San Nikola u/jew persuni prominenti li huma mis-Siġġiewi. Il- kontributuri letterarji għal dan il-ktejjeb huma numru inkoraġġanti ħafna u jagħtu xogħol sabiħ u ġenwin għax mill pinna tagħhom joħroġ esternament dak li jkunu jħossu internament f’ qalbhom ta’ vera siġġiwin. Għal dan ix-xogħol ta’ dan il-ktejjeb id-ditti u aġenziji li jisponsorjawh huma sehem ta’ min ifaħħru u jirringrazzjahom mill-qalb.

Pjanċieri tal-Banda

Rajna diġà li l-Banda kienet u għadha tagħmel programm mużikali u dawn dejjem isiru fuq il-pjanċier tal-istess banda. Bħal kull għaqda mużikali oħra, l-Għaqda tagħna s-Siġġiwin għandha wkoll wieħed li jinġarr kull fejn il-banda tkun sejra tesegwixxi xi programm mużikali.

Meta nsemmu dan ma nistgħux ma nsemmu xejn dwar il-pjanċier tant sabiħ li kellha s-Soċjetà fis-sena 1907. Kien pjanċir kbir u sabiħ li jagħti fil-forma ta’ skorfina mgħolli mill-art, b’ sitt piramidi bis-siġar tad-dawl li kienu jinxtgħelu bl-aċitelena. Minn pilastru tal-piramida għall-ieħor, jgħaqqad xogħol tal-ħadid maħdum bl-akbar sengħa. Ix-xogħol tal-iskultura fuq l-injam li biha kien imdawwar id-dawra kollha kien xogħol ta’ arti kbira u ta’ kuluri mżewqa bl-akbar eżattezza. Skond ma kiteb Patri Ġuże Delia, S.J. fil-ktejjeb imxandar mis-Soċjetà fis-sena 1979 insibu hekk: “Bħala tfal li konna, konna wkoll nagħmlu xalata mill-pjanċier tal-banda tar-raħal, li kien jintrama quddiem l-istatwa tal-misraħ fuq in-naħa tal-knisja. Kien pjanċier kbir, sabiħ, merfugħ ‘il fuq mill-art qisu palk.” “Dak il-pjanċier għalina t-tfal kien veru għors.” “Ma nafx x’sar minnu dak il-pjanċier. Ilni ma naraħ is-snin. Għajb jekk spiċċa biex inqered. Kien isebbaħ misraħ. Kien ikun fih dehra mill-isbaħ, l-iktar bil-lejl, meta kien ikun imdawwal bil-bozoz ta’ l-aċitelena mixgħulin dawra mejt madwaru, fuq l-irjus tal-folol jisimgħu l-isbaħ bċejjeċ mill-opri. Kien pjanċir li kien jagħmel ġieħ lis-Siġġiwin.”

Għal xi żmien il-fdal ta’ dan il-pjanċier kien jintrama fuq iz-zuntier tal-knisja bħala tribuna, niftakru sewwa meta kien isir xi kungress tax-xirka ta’ l-Isem Mqaddes t’ alla fil-parroċċa. Ta’ bilfors, wieħed irid jikkonkludi li dan l-effett ħażin fuq biċċa arti bħall din ġara minħabba li s-Soċjetà qatt ma kellha spazju biżejjed li fih tkun tista’ tieħu kura ta’ affarijiet bħall dawn. Fil-fatt anke l-pjanċier tal-lum (1983) jintrefa’ fil-post magħruf bħala il-kamrun bil-permess tal-Arċipriet tal-Parroċċa. Dwar il-pjanċier il-qadim, il-kumitat, wara li sab xi bċejjeċ li għad fadal minnu, kien tal-ħsieb li jipprova jerġa jsib mezz li bih jerġa jwaqqfu kif kien jew mill-aħjar li jista’. 

Għal informazzjoni dwar il-planċier il-ġdid tas-Soċjeta inawgurat fl-2013 agħfas hawn hekk.

 
 

Postijiet li fihom Għammret is-Soċjetà

Ix-Xjuħ tagħna jiftakru li s-Soċjetà Mużikali tar-raħa tagħna bidlet diversi postijiet fejn għammret. Dawn l-istess xjuħ jgħidu li dan it-tibdil ġara għall-fatt li s-Soċjetà qatt ma kienet soda biżżejjed finanzjarjament. F’ dawk iż-żminijiet is-Soċjetà  kienet f’ qagħda tant miżera li l-anqas tlett soldi fix-xahar ma kien jista jħallas kull soċju. Jgħidu wkoll li s-soċi u bandisti kienu joħorġu xi sitt ħabbiet jew sold biex ikunu jistgħu jixtru l-pitrolju. Minħabba f’ hekk postijiet li kienu jinkrew mis-Soċjetà dejjem kienu jkunu b’kera rħis u għalhekk qatt ma setgħu jkunu postijiet kbar ħafna, għax quddiem qagħda mwiegħra tal-fondi finanzjarji l-amministraturi tagħha dejjem beżgħu jidħlu għall piż ta’ kera għoli.

 

Fis-snin bikrin il-Każin tal-Banda kien fil-post illum bin-numru 40, Pjazza San Nikola. Dan il-post kien verament idejali bħala każin, kemm għall ispazju tiegħu kif ukoll għaliex qieghed ġewwa l-pjazza. Kien il-post addattat kieku kellu jinxtara, imma flus minn fejn ma kienx hemm.

Qabel dan il-post jissemmew li l-każin kien f’ żewġ lokalitajiet oħra, f’ dak li illum (1983) iġib in-numru 91, triq Sta. Margerita u wara dan kien fejn illum għandu n-numru 142 fl-istess triq.

Wara l-post li l-każin kellu fil-pjazza, ix-xjuħ tagħna jiftakru li ġiet mikrija d-dar fejn illum hija “May flower” fi triq il-Parroċċa.

Peress li f’ din l-istess triq kien hemm dar battala, il- kumitat kien beda trattativi mas-sid li kien is-Sur Karmenu Vella. Dawn it-trattattivi rnexxew u l-każin ġie trasferit għal dan il-post li illum iġib in-numri 45,46 u 47 fl-istess Triq il-Parroċċa. Jissemma li f’ dan il-każin xi soċji ħolqu żewġ taqsimiet li kienu jaħdmu n-nar, kienu magħrufa bħala ta’ Ġidra u ta’ Kajin. Il-pika ta’ bejniethom waslet għall qasma bejn iż-żewġ gruppi. Ġara li fis-sena 1934/35 dan il-post inxtara minn ċertu Ġorġ Bonello  li kien għadu kif ġie mill-Amerika, u riedu għalih u għal ħutu biex imoru joqgħodu fih. Il-Kumitat ta’ dak iż-żmien żamm kemm felaħ u rrifjuta li joħroġ il-każin minn hemm. Għal dan , is-sid iddeċida li jidħol fil-Qorti b’ kawża, liema kawża ntrebħet mis-sid u għalhekk is-soċjetà sabet ruħha bla post.

Bla dubju, din kienet biċċa wġiegħ ta’ ras għall-kumitat u ried ikun il-Kappillan Dun Saver Mangion li ndaħal fil-kwistjoni u offra mbagħad l-Oratorju “Sagra Familja”  u qiegħdu għad-disposizzjoni tal-Banda u s-Soċjetà sakemm jinstab post ieħor bħala każin. Jingħad li meta saret din it-taqliba intilfu ħafna affarijiet u nistgħu naħsbu li n-nuqqas ta’ dokumenti li ma sibniex illum setgħu intilfu f’ din it-taqliba.

Jissemma b’mod speċjali li kien hemm kwadru tal-pittura taż-żejt, riproduzzjoni tal-kwadru titulari li hemm fil-kor tal-knisja parrokjali. Min kien midħla tal-każin f’ dak iż-żmien jgħid li dan il-kwadru kien fih tebgħa taż-żejt fuqu. Ħasra tassew li dokumenti u affarijiet patrimonjali bħal dawn jaslu biex jintilfu. Meta issa l-każin kien bla residenza ried jinstab post biex jinkera. Ġara li f’ dak iż-żmien, l-Imgħallem Pietru Mallia kien qed jibni  post fil-pjazza li qabel kien ġardina. Peress li s-Surmast Salvatore Mallia kien jiġi ħu l-imgħallem Piet, is-surmast kien talbu l-post li kien qed jibni  biex jgħatih lill-Każin b’ kera. L-Imgħallem Piet laqgħa t-talba ta’ ħuħ Salvu u kera l-każin li għandna llum (1983) bin-numru 78, Pjazza San nikola, u skond l-irċevuti l-kera beda jgħodd minn nhar il-Ġimgħa, 20 ta’ Novembru, 1936, bi ħlas ta’ £12,00s.0d fis-sena bil-quddiem. Matul it-tieni gwerra dinjija, l-Każin, bħal ħafna djar oħra fir-raħal, laqa’ nies refuġjati. Skont ma jsostni  l-President ta’ dak iż-żmien il-Perit Joseph Farrugia, dawn ir-refuġjati ġew eżenti milli jħallsu l-kera iżda riedu jħallsu l-ispejjeż tad-dawl u l-ilma. Wara din il-ġenerosita’ ġara li dawn ir-refuġjati kienu telqu bla ma ħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u skond l-istess President, biex dawk il-kontijiet tħallsu mir-refuġjati kellu jidħol magħhom fil-Qorti.

 

Każin Proprjetà tas-Soċjetà

Meta wieħed jaqra dan li għidna fuq  it-tibdil tal-postijiet bħala residenzi tas-Soċjetà, nistħajjel li wieħed jasal biex jistaqsi: kif is-Soċjetà qatt ma ppruvat takkwista post u jkun proprjetà tagħha?!!

Naturalment biex tixtri jrid ikollok il-mezzi finanzjarji jippermettu, u dawn kif għidna qabel, is-Soċjetà ma kelliex. Ħaġa ożra huwa l-fatt li biex tiġbor il-flus , l-ewwel ma jrid ikun hemm li wieħed ikolllu l-flus u minnhom jista’ jgħati. Fi żmien l-imgħoddi flus fl-idejn kienu mill-inqas. Mill-banda l-oħra biex iddaħħal flus minn attivitajiet rikkreattivi , irid ikollok post spazjuż fejn torganizzahom. Dan ukoll kif għidna qabel is-Soċjetà qatt ma kellha.

B’ dana kollu nsibu li saru sforzi għal dan il-għan  li jinxtara jew jinkera post tajjeb u addattat aktar minn dak tal-lum.

Fid-Dokumenti tas-Soċjetà li għandna għad-disposizzjoni tagħna nsibu li, fis-sena 1946 il-Kumitat ta’ dak iż-żmien daħal għal offerta g]al xiri ta’ post fil-pjazza fejn illum huwa bin-numru, 45,46 u 47 ġewwa l-pjazza, li kien għall-bejgħ b’offerta. Għal dan il-post il-Kumitat offra is-somma ta’ £1,859.00s.0d li kien ser jislifhom lill-każin persuna mir-raħal. Din l-offerta tal-każin ma kinitx ġiet milqugħa.

Wara dan insibu li fis-sena 1956, il-Kumitat fil-kariga kien ser jipprova jixtri l-post li illum iġib in-numru 73 u 74, iżda ġara li fuq dan il-post kien hemm biża’ li seta’ jiġi rkuprat u għalhekk il-Kumitat qatagħha li ma jiħux sogru.

Fis-sena 1964 kien beda jingħad li l-iskola l-qadim fil-pjazza kienet ser tispiċċa. Għal dan l-għan, delegazzjoni mis-Soċjetàltaqet mas-Sinjorina l-Onorevoli Mabel Strickland u wrieta x-xewqa li s-Soċjetà tixtieq li jkollha l-post fejn hija l-iskola, jekk din tispiċċa. Miss M. Strickland uriet lid-delegazzjoni li hija tagħraf il-ħtieġa ta’ post għas-Soċjetà tagħna u qalet lid-delegazzjoni li għalkemm il-post huwa tan-neputijiet tagħha, jekk l-iskola tispiċċa u jkollha lura f’idejha ċ-ċwievet tibgħat għad-delegazzjoni u flimkien isibu mod kif is-Soċjetà tieħu l-post. Wara li l-iskola ġiet trasferita għal dik ġdida, id-delegazzjoni ltaqet mas-Sur V.Denaro u l-Avukat Scicluna. Dawn kienu għarrfu lid-delegazzjoni li l-post ta’ l-iskola ser jinżamm mill-Gvern bl-iskop li l-post jikkonvertih f’ Ċentru Ċiviku.

Peress li l-għassa tal-Pulizija ġiet imbagħad trasferita għal flok l-iskola; delegazzjoni mis-Soċjetà marret tkellem fuq il-post ta’ fejn kienet l-għassa, lis-Sinjorina Marija Delia. Din qalet lid-delegazzjoni li l-post ma kienx tagħha iżda ta’ ħuha Toninu u għamlitha ċara li hemm il-probabbiltà li l-post ħuha ser jgħatih għall-Azzjoni Kattolika tan-nisa. Difatti hekk sar u llum dan il-post huwa magħruf “Dar Ommna Marija”.

Fit-22 t’April, 1965, il-Kumitat ipprova jieħu l-post fil-pjazza li llum iġib in-numru 4, Pjazza San Nikola, tas-sinjura Carmela bonello. Dan iżda ma rnexxiex l-anqas.

Kif wieħed jara minn dan li għidna, is-Soċjetà ppruvat kemm il-darba għall-akkwist ta’ post aħjar, iżda kollox falla u ma rnexxiex li s-Soċjetà jkollha post aktar xieraq u addattat anki minn dak tal-lum (1983), iżda x-xewqa kienet u għadha hemm. Tant huwa hekk li fis-Seduta Ġenerali Annwali tas-Soċjetà miżmuma nhar il-Ħadd 28 ta’ Frar, 1982, ġiet maħtura kummissjoni biex taħdem għall akkwist ta’ post aħjar.

Żminijiet Diffiċli għall-Banda u s-Soċjetà

Naturalment, tul il-Mitt sena li ilha teżisti s-Soċjetà, ma naqsux żminijiet diffiċli li kellhom jiġu ffaċjati b’għaqal u b’kuraġġ l-aktar minn dawk li kienu jmexxu s-Soċjetà. Sa minn kmieni, fis-snin tletin, fi kliema ta’ kwistjoni politika-reliġjuża f’ pajjiżna, fis-Soċjetà qam biża ta’ firda fost il-membri u l-bandisti minħabba l-opinjonijiet politiċi differenti tagħhom. Kienet sitwazzjoni diffiċli u kienet tkun tassew ħasra li kieku spiċċat soċjetà bħall din, fejn l-opinjonijiet politiċi tal-membri tagħha dejjem ġew irrispettati iżda qatt ma tħallew ikunu mezz ta’ ħsara għal veru interess tagħha, dak tat-tgħalim tal-mużika. Fil-fatt l-Għaqda għaddiet minn dan iż-żmien delikat b’wiċċ il-ġid għax min kien imexxi kien għaqli biżejjed biex iżomm dejjem quddiem għajnejh u jfittex li jintlaħaq skop wieħed li huwa it-tgħalim tal-mużika. Sakemm dan l-iskop baqa’ ċar, is-Soċjetà ma setghetx tmur, lanqas jekk mhedda minn irwiefen qawwija bħal ma huma l-passjonijiet politiċi tal-istess membri tagħha.

Bejn is-snin 1942 u 1944, fi żmien it-tieni gwerra dinjija, il-periklu ta’ qasma fil-banda reġa tfaċċa. Din id-darba r-raġuni kienet li ħafna bandisti nqabdu suldati bil-lieva biex jiddefendu ‘l art twelidhom. Iżda kien l-Assistent Surmast Ġużeppi Muscat li baqa’ jlaqqa f’ kunċerti lil dawk il-bandisti li kien baqa’ u magħhom kienu jiġu oħrajn minn Ħal Luqa. B’ hekk Mro. Ġ. Muscat irnexxielu jżomm ħajja l-banda sakemm spiċċat il-gwerra u jsalvaha mill-għarqa li kienet qed theddidha, u għal dan kien jixraqlu tassew jissejjaħ “is-Salvatur” tagħha.

Theddida oħra li tfaċċat u ġabet magħha qasma fil-banda kien meta spiċċa minn Surmast Direttur Mro. Giovanni Vella (tal-Mosta) minħabba saħħtu. Il-bandisti wrew li kienu maqsuma fl-ideat għall-għażla ta’ Surmast Direttur ġdid. Din il-kwistjoni ġabet ħafna nkwiet u xogħol għall-Kumitat tas-sena 1952 peress li kien hemm bandisti li riedu lill-Mro. Ġużeppi Muscat (ġa Asst. Direttur tal-Banda) u oħrajn li riedu lil Mro. Carmel Callus, A. Mus. L.C.M., L.,R.,S.,M. Minħabba li kellu d-diploma fil-mużika.

F’ din il-kwistjoni bejn żewġ persuni minn raħal wieħed, il-kumitat ried isib it-triq tan-nofs u ġie deċiż li jinġib surmast barrani, u għalhekk ġie Mro. Joseph Darmanin, a.mus, L.C.M., minn tas-Sliema. B’ dana kollu l- qasma baqgħet hemm u l-kumitat kellu jkompli jinsisti għal soluzzjonitajba għall-ġid tal-banda. Il-Kumitat sab imbagħad ma wiċċu r-riżenja ta’ Mro. Jos. Darmanin fl-4 ta’ jannar 1956. Wara li imbagħad saru ħafna laqgħat bejn il-kumitat u s-Surmastrijiet ikkonċernati Ġużeppi Muscat u Carmel Callus, kif ukoll wara li saru Seduti Ġenerali mal-bandisti u s-soċi, Mro. Carmel Callus inħatar Surmast Direttur tal-Banda “San Nikola” b’ effett minn nhar is-Sibt, 7 t’ April, 1956, bir-riżultat li dawk il-bandisti li kienu telqu reġgħu ġew lura fi ħdan il-banda mill-ġdid.

Problema kbira u delikata ħafna qamet bejn is-Soċjetà u l-Awtoritajiet tal-Knsija fis-snin 1961 u 1962 meta f’pajjiżna kien hawn kwistjoni poltiko-reliġjuża oħra. Il-Kwistjoni inħolqot meta l-Arċipriet tar-raħal Dun Alwiġ Deguara rrifjuta li jiffirma l-permessi biex il-banda tieħu sehem bħas-soltu fil-festa ta’ San Nikola, li kienet ġa preparata għalihom flimkien mal-Kor Parrokkjali.

L-istess Arċipriet informa lill-kumitat li ma kienx ser jiffirma l- permessi peress li l-President tas-Soċjetà, it-Tabib Kalċidon Zammit, M.D., kien membru fl-eżekuttiv tal-Partit Laburista Malti li kien ġie milqut b’interdett mill-ġerarkija tal-Knisja f’ malta. Huwa nforma wkoll lill-kumitat li dan il-pass li kien ħa kien dirett mill-Awtorità Ekklesjastika. Dan kien l-Erbgħa, 17 ta’ Mejju, 1961. Għal din l-attitudni li mbarazzat ħafna l-kumitat, l-istess kumitat fetaħ diskussjonijiet diretti mal-Vigarju Ġenerali Mons. Emanuele Galea dwar din il-kwistjoni. Fid-diskussjoniji ma’ l-Isqof il-kumitat ġibed l-attenzjoni tal-Vigarju li baned oħrajn, bħal dik ta’ San Gejtanu tal-Ħamrun, ma ġewx miċħuda l-permessi minkejja li l-President tagħha kien l-istess President tal-Partit Laburista Malti u għalhekk kien ukoll interdettjat. Fuq din il-kwistjoni li nqalgħet lis-Soċjetà tagħna, il-kumitat kien ħalla lill-Vigarju nota “a Pro-Memoria” ta’ kull ma kellha ġa ppreparat il-banda għall festa titulari ta’ dik l-istess sena. Din il-laqgħa mal-vigarju kienet saret is-Sibt,14 t’ April, 1962, wara li għat-tieni sena konsekuttiva permezz ta’ ittra bid-data ta’ l-Erbgħa, l-4 t’ April 1962, l-istess Arċipriet A. Deguara reġa’ rrifjuta li jiffirma l-permessi meħtieġa biex il-banda tieħu sehem fil-festa titulari tas-sena 1962.

Il-Kuitat kien qed allura jistenna r-risposta mingħand il-Vigarju Ġenerali, liema risposta ġiet komunikata bit-telefon lil membru tal-kumitat mill-Isqof stess (tmintax-il ġurnata wara li kienet iltaqet miegħu id-delegazzjoni tal-kumitat) jiġifieri nhar l-Erbgħa, it-2 ta’ Mejju, 1962 fid-9.40am. Ir-risposta lill-kumitat kienet, “Iċ-ċirkostanzi ma nbidlux u għalhekk jibqa’ kollox kif kien u dwar l-aġir ta’ l-Arċipriet magħkom hija haġa li titratta “Casa per Casa”, jiġifieri li kull arċipriet jagħmel hu fil-parroċċa tiegħu. Ta’ min jgħid li din il-kwistjoni dejjem ġiet itrattata bejn il-Kumitat u l-Vigarju Ġenerali; qatt ma ndaħal fiha l-Arċisqof Mons. M. Gonzi.

Ġara li fis-sena 1963, il-Poeta Karmenu Vassallo ġie elett President tas-Soċjetà. Il-Permessi neċessarji għas-sehem  tal-banda fil-festa tas-sajf ta’ din is-sena 1963, kienu ġew iffirmati mill-Arċipriet. F’ Settembru ta’ din l-istess sena, il-Poeta Karmenu Vassallo rriżenja minn Presidentu f’ Seduta Ġenerali Straordinarja reġa nħatar it-Tabib Kalċ. Zammit, M.D. bħala President.

Għall-festa ta’ San Nikola tax-xitwa tas-sena 1963 meta l-banda soltu ttella’ programm mużikali, il-permessi reġgħu ma ġewx iffirmati mill-Arċipriet A. Deguara wara li dan, skond hu, kellu konsultazzjoni mal-Vigarju Ġenerali. Il-pulizija iżda, li kellha s-setgħa fuq il-permessi meħtieġa għall-festa ta’ Diċembru, ħarġet il-permess u l-banda għamlet il-programm fis-6 ta’ Diċembru, 1963.

Il-Kwistjoni ta’ ċaħda lill-Banda tagħna milli tieħu sehem fil-festa titulari baqgħet sejra sakemm nhar il-Ġimgħa, 15 ta’ Mejju, 1964, l-Arċisqof Mons. M. Gonzi ndaħal direttament u bagħat għad-Direttur Spiritwali tas-Soċjetà, Mons. F.S. Mangion, biex jittrattaw il-kwistjoni li kien jinsab fiha l-Każin San Nikola. Il-Kwistjoni ġiet diskussa f’atmosfera kordjalissima bejn il-Mons. F.S. Mangion li akkumpanjat minn persuna oħra midħla sew tal-każin, u l-E.T. Mons. Arċisqof M.Gonzi. Wara li ġew diskussi punti serji u fil-fond, ingħataw id-dettalji kollha ta’ dak li sar matul il-kwistjoni bejn il-każin u l-Arċipriet tal-parroċċa, inklużi riperkussjonijiet individwali ta’ vittmi li bagħtew inġustament minn din il-kwistjoni. Minn din id-diskussjoni serja li fiha ntwere in-naħat kollha bla preġudizzju u li l-e.t. Mons Arċisqof qagħad jisma’ bis-sabar kollu, l-istess Arċisqof ikkonkluda li permezz tal-Mons F.S. Mangion dak il-ħin stess jibgħat ordni lill-Arċipriet tal-Parroċċa, liema ordni kienet tobbliga lill-Arċipriet biex minn x’ħin tasal lilu l-ordni, japprova dak kollu li jkollu bżonn il-Każin tal-Banda “San Nikola”. B’ hekk il-banda reġgħet bdiet tieħu parti fil-festa titulari minn dik is-sena, li kienet saret allura fid-9 ta’ Ġunju, 1964.

F’ dan il-każ li ġara lill-Banda tagħna naraw li ġara lilna u lilna biss minn fost l-Għaqdiet Mużikali ta’ malta kollha, għax l-ebda soċjetà bħal tagħna ma tirreġistra każ simili, kienu min kienu l-Presidenti li kellhom fiż-żminjiet.

Każ ieħor li nqala’ lill-banda u s-Soċjetà taghna kien meta fis-sena 1971 l-Għaqda tal-Mużiċisti Maltin, permezz ta ċirkulari imponiet fuq il-każini tal-baned ta’ Malta kollha, il-prezzijiet li bihom għandhom jitħallsu l-bandisti barranin li jinqalgħu mill-każini lokali, kif ukoll ħin limitat ta’ servizz li jingħata mill-istess bandisti barranin maqlugħa. Għal din iċ-ċirkulari, il-Kumitat tagħna wera biċ-ċar li mhux lest jimxi fuq dik iċ-ċirkulari jekk ma jkunux ratifikati u approvati mill-Band Clubs Association li aħna konna Membri fiha. Dan aħna għamilnih fi spirtu rett u ġenwin u għall-fatt li d-dħul finanzjarju tas-Soċjetà kien żgħir. Għax urejna dan il-protest tagħna, l-Għaqda tal-Mużiċisti Maltin ordnat bojkot lil-banda tagħna u ġara li meta l-banda tagħna għamlet programm ġewwa l-Imqabba fil-15 t’ Awwissu, 1970, f’ nofs il-programm il-bandisti barranin li kienu maqlugħa magħna ħallew u ma komplewx idoqqu.

Inċident serju u mhux ta’ pjaċir li inqala’ meta waqt li l-banda San nikola kienet tagħmel il-Marċ ta’ l-aħħar tridu tal-Festa, nhar il-Ġimgħa, 20 ta’ Ġunju, 1975, meta l-banda waslet eżatt fi Triq Santa Margerita fejn tibda wkoll Triq tan-nofs, karozza van bi tnejn minn nies fih baqgħu deħlin ġol-banda  u daħlet ukoll fil-folla tan-nies li kienu wara l-marċ. B’ xorti tajba weġġgħu ħafif ftit nies biess u saret ħsara lill xi bandisti billi nkissrulhom l-istrumenti. Saru wkoll ħsarat fil-lampi tal-mantel tas-Soċjetà, filwaqt li l-folla ngħaddba daret għal fuq il-van u saħansitra qalbitu ta’ taħt fuq.

Dan kien każ serju li seta’ ħalla konsegwenzi ferm koroh jekk mhux ukoll fatali, meta tiftakar li wara l-banda n-nies kienet imħallta b’irġiel, nisa, tfal, trabi fil-prams u wkoll xjuż. Dan il-każ kien tressaq il-qorti u ż-żewġ persuni tal-vann instabu mhux ħatja u għalhekk ġew illiberati.

 
 

Attivitajiet Spiritwali

Għalkemm wieħed jara li l-iskop prinċipali tas-Soċjetà huwa t-tagħlim tal-Mużika u rikreazzjonijiet oħra leċti, wieħed isib ukoll li d-diriġenti tas-Soċjetà ħadu ħsieb li jorganizzaw attivitajiet spiritwali u jieħdu wkoll parti f’ okkażjonijiet reliġjużi. B’ dan l-iskop konna nsibu li kienet drawwa li ta’ kull sena fiż-żmien ir-Randan kienu jiġu organizzati tlitt ijiem ta’ priedki bi tħejjija għall-festa tal-Għid Imqaddes. Dawn baqgħu isiru sas-sena 1962. Kienu wkoll jinġiebu konfessuri barranin għall qrar tas-soċi Membri tas-Soċjetà u mbagħad kienet issir quddiesa tas-Soċjetà fil-knisja parrokjali bit-tqarbina tal-preċett.

Illum (1983) il-ġurnata din il-quddies bit-tqarbina issir ġewwa l-istess każin tas-Soċjetà u titqaddes mid-Direttur Spritiwali tal-Għaqda u wara jsir it-tberik tal-Każin mill-Arċipriet tal-Parroċċa.

Fid-dokumenti tas-Soċjetà nsibu li fit-18 ta’ Ġunju, 1944, saret il-konsagrazzjoni tas-Soċjetà lil-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’. Għal din l-okkażżjoni saret quddiesa bit-tqarbina mis-soċi fil-knisja parrokjali u wara saret fil-każin il-konsagrazzjoni tas-Soċjetà mid-Direttur Spiritwali, dun F.S. Mangion li kien ukoll kapillan tal-Parroċċa. Insibu li wara l-konsagrazzjoni sar riċeviment għall-membri kollha li ħadu sehem. Konsagrazzjoni oħra tas-Soċjetà u din id-darba lill-Qalb bla tebgħa ta’ Marija saret fit-30 ta’ Ġunju, 1974, li saret mid-Direttur Spiritwali Attwali ir-Reverendu Dr. N. Aquilina, B.A., Lic.D., D. Litt. (Milan).

Insibu wkoll li fis-sena 1949 il-każin kien ġabar lis-soċi u nies oħrajn mill-parroċċa u ħadu sehem għal “lejl Qaddis” tal-Kungress Marjan, li kien sar f’ Mejju ta’ l-istess sena. Sehem ieħor tas-Soċjeta’ kien fil-Korteo f’ ġieħ il-Madonna ta’ Fatima, li kien sar nhar il-Ħadd, 9 t’ Ottubru, 1949.

Ta’ kull sena  s-Soċjetà tieħu parti fl-akkompanjament fil-purċissjoni tal-Qalb ta’ Ġesu’ fir-raħal tagħna u ġie li ħadet parti fil-korteo ta’ Kristu Re li jsir fix-xahar t’ Ottubru fil-Furjana. Ta’ kull sena s-Soċjetà torganizza għas-Soċi il-Visti tas-Seba Knejjes jew tas-Sepulkru.

Is-Soċjetà tiftakar fis-Soċi u Bandisti mejtin permezz ta’ quddiesa li ssir fil-Knisja Parrokjali kull sena fix-xahar ta’ Novembru. Din il-Quddiesa titqaddes mid-Direttur Spiritwali tas-Soċjetà.

 

Attivitajiet Rikreattivi

Matul iż-żmien il-Kumitati dejjem ħasbu biex jipprovdu xi kwalità ta’ rikreazzjoni skond ma jippermetti l-lokal. Għal dan l-iskop kienu jsiru tombli fil-Każin,ping-pong; Table-tennis; Darts. Għal xi żmien kien jintlagħab il-Billiard, iżda peress li kien irid joqgħod jintrama u jiżżarma minħabbba l-kunċerti tal-banda fis-sala, ma setax jitkompla, u għalhekk waqaf.

Insibu wkoll li fis-sena 1949 u l-1960 kienu twaqqfu kumpaniji tejatrali biex b’din l-attività filwaqt li tiġi maqtugħa x-xewqa ta’ ħafna membrili kienu ferm dilettanti tat-tejatrin, bil-programmi li jippreżentaw, is-soċjetà kienet iddaħħal xi haġa tal-flus. Il-Kumpanija li twaqqfet fl-1949 kienet tagħmel ir-rappreżentazzjonijiet teatrali fl-iskola primarja li kienet fil-pjazza, iżda din il-kumpanija ġiet xolta fl-1953. Filwaqt li l-kumpanija mwaqqfa fl-1960 kienet taħdem fit-teatrin fl-iskola primarja tal-lum fi triq l-iskola. Din l-aħħar kumpanija ġiet xolta f’qasir żmien għax id-Direttur tal-Edukazzjoni xtaq li t-tfal jibdew jipprattikaw id-drama fl- istess post.

Fis-sena 1963 kien beda jiġi organizzat Christmas Party għat-tfal tas-soċi u ta’ ħbiebhom. Din l-organizzazzjoni tal-Party baqgħet issir sakemm l-ispejjeż għolew tant li s-soċjetà ma setgħetx tkompli toħroħ spejjeż minn ġewwa. Iżda l-Kumitat tas-sena 1982/83 deherlu li dan il-Party għat-tfal tas-soċi u/jew qrabathom, għandha terġa tibda ssir mis-sena 1982.

 

 

 

Kooperazzjoni

Jekk wieħed iqalleb fid-dokumenti tas-Soċjetà jsib li l-kumitati li kellha l-Għaqda tagħna matul iż-żminijiet dejjem urew u anke’ taw il-kooperazzjoni, tant li nsibu ħafna drabi saru laqgħat u saret korrispondenza ma’ Għaqddiet oħra li kienu jinħtieġu l-għajnuna u l-kooperazzjoni tas-Soċjetà tagħna. Fir-riżultat ta’ dawn il-laqgħat u l-korrispondenzi insibu li t-tweġiba tas-Soċjetà tagħna dejjem kienet waħda pożittiva għal dawk l-għaqdiet li kienu sinċieri, ġenwini u bl-iskop leġittmu tal-Għaqda tagħhom għall-ġid tagħhom u tar-raħal tagħna. Fuq dan jistgħu jitkellmu dawk l-Għaqdiet li ħadu mill-benefiċċju tal-Każin tal-Banda San Nikola, li għalih l-interessi tar-raħal u ta’ niesu jiġu fuq kull ħaġa oħra li ma tkunx mir-raħal u għar-raħal.

 

Żjajjar ta' Persuni Distinti

Is-Soċjetà nsibu li dejjem laqgħet u apprezzat xi żjara minn xi persuna distinta bħal ma saru minn Liuet. General Sir William George Shedden Dobbie, K.C.B., C.M.G., D.S.O. Gvernatur ta’ Malta, fis-sena 1941;

L-E.T. Mons. Mikiel gonzi, Arċisqof ta’ Malta li żar il-każin għal tliet darbiet, jiġifieri, nhar il-Ħadd, 17 ta’ Ġunju, 1956; nhar il-Ħadd, 3 ta’ Novembru, 1968, li kienet l- ewwel ġurnata tal-vista pastorali li għamel fil-parroċċa f’dik is-sena; u nhar it-Tlieta, il-11 ta’ Lulju, 1972, meta sar riċeviment mis-Soċjetà lill-ħames qassisin ġodda f’ daqqa u l-familjari tagħhom, li għalih l-Arċisqof kien il-mistieden tal-unur;

Is-Sur Henry Simmonds li fis-sena 1968 xtaq li jagħmel żjara lis-Soċjetà tagħna u baqa’ jżur lill-Każin kull meta ġie Malta minn Londra b’rispett għas-Soċjetà tagħna;

Signor Pero Ortis, Direttur tal-Istitut ta’ Martinitt ta’ Milan żar il-każin tagħna fis-sena 1969 fuq stedina li saritlu mid-Direttur Spiritwali tas-Soċjetà tagħna. Is-sena ta’ wara, jiġifieri fis-sena 1970, il-kapillan tal-Istitut Martinitt ta’ Milan, Don Domenico Colombo żar ukoll il-każin tagħna wara li wera x-xewqa li jagħmel hekk lir-rev. N. Aquilina, li kien ħabib intimu tiegħu.

Qabel ma niġi fi tmiem din il-ġrajja, bħal dal-mument qed inġib quddiem għajnejja ċerti persuni li minn jeddhom u minn qalbhom taw żmien twil ħafna fil-qasam amministrattiv tas-Soċjetà maħbuba tagħna, bħas-Sur Ġużeppi Caruana, is-Sur Salvatore Azzopardi, is-Sur Ġużeppi Pace, is-Sur Emanuel Azzopardi u ħafna u ħafna oħrajn. Ċertament ma’ nistgħux ninsew lill-ex  Assistent Direttur Mro. Ġużeppi Muscat li qatta’ żmien twil fis-Soċjetà.

 

 

 

Għeluq

Mitt sena ta’ ħajja huma, bla dubju, xorti kbira. Iktar u iktar dan jgħodd għal-soċjetà fejn il-problemi jiżdiedu għax dawn jinqalgħu kemm minn barra kif ukoll minn ġewwa l-istess Għaqda. Rajna, infatti kif is-Soċjetà tagħna ħabbtet wiċċha maż-żewġ tipi ta’ problemi. Minnhom kollha, iżda ħarġet b'saħħitha u baqgħet ħajja biex illum qegħdin niċċelebraw il-mitt sena mit-twaqqif tagħha (1883-1983).

L-Isem tajjeb li illum is-Soċjet tagħna tgawdi kemm fost is-Siġġiwin kif ukoll barra raħalna huwa l-frott ta' mitt sena xogħol u sagrifiċċji. Kull min ħadem f' din is-Soċjet u li illum għadu ħaj, f' din il-ġurnata għandu għax ikun sodisfatt. Lil dawk mejtin li ħadmu għas-Soċjet Alla jpattihulhom. Fuq iż-Żgħażagħ Siġġiwin taqa' responsabbilta' li dan l-isem tas-Soċjeta' tal-Banda "San Nikola"jibqa' ħaj għal iktar snin. Dan hu l-awgurju tagħna lis-Soċjeta'- J'Alla dak li nbeda mitt sena ilu jkompli għall mitt sena oħra. 

 

 

 

Mill-1983 sal-Lum

Wara iċ-ċelebrazzjonijiet kbar li saru fl-okkażjoni tal-mitt sena mit-twaqqif tas-Soċjetà il-Każin tal-Banda San Nikola, il-Kumitati sussegwenti komplew jaħdmu sabiex iwettqu dawk ix-xewqat illi l-membri u s-Soċjetà kien ilhom jaħsbu fuqhom. Barra minn dan, is-Soċjetà bdiet tieħu dehra aktar ġdida u moderna bl-introduzzjoni ta’ diversi kunċetti illi kienu ġodda; fosthom it-twaqqif ta’ diversi sezzjonijiet u Kummisjonijiet ġodda fi ħdan il-Każin.

Il-Banda San Nikola, baqgħet u għada sal-llum strumentali fil-ħajja tal-Każin. Hija baqgħet tgħati is-sehem tagħha fil-festi u attivitajiet li ittellgħu ġewwa is-Siġġiewi, fosthom dawk liturġiċi u kif ukoll dawk pereżempju imtellgħin mill-Kunsill Lokali.

L-Amministrazzjoni tas-Soċjetà, fosthom l-istatut tal-istess, kompla dejjem jiġi emendat sabiex jirrifletti il-bżonnijiet u l-ħtiġijiet ġodda taż-żminijiet. Bl-istess mod is-Soċjeta’ beda jkollha membri tal-kumitat ġodda u Presidenti ġodda; u dan kif diġa spjegat aktar il-fuq. Presidenti illi komplew jibnu fuq dawk ta’ qabilhom sabiex is-Soċjetà tkompli tgħaqdi l-irwol tagħha fi ħdan is-Siġġiewi.

Fil-bidu tas-snin disgħin, wara l-ħafna problemi li s-soċjetà kienet irriskontrat qabel,  ix-xewqa tal-membri saret realtà hekk kif inxtara post ġewwa l-Misraħ tas-Siġġiewi sabiex ikun jista jservi bħala s-sede tal-każin. Illum dan il-post iġib in-numru 50 u 51; u jinsab fuq in-naħa ta’ fuq tal-pjazza; eżattament faċċata ta’ Dar Ommna Marija, l-istess Dar illi Kumitati passati kienu pruvaw ukoll jakkwistaw snin qabel. Saru xogħolijiet kbar fuq din il-proprjetà sabiex tingħata id-dehra li tant jixraqlu każin tal-Banda.  Wara dan iżda il-ħtiġijiet tas-Soċjetà komplew dejjem jinbidlu u għalhekk maż-żminijiet komplew isiru diversi proġetti f’ din il-proprjeta’, fosthom il-proġett 125, fejn kien ġie immodernizzat il-bottegin tal-każin, u l-proġett tas-Sala Bandisti Siġġiwin illi ġie inawgurat ftit ta’ snin ilu.  

Barra minn dan il-pass hekk kbir, il-membri kienu ukoll ħadu l- pass li jmiss sabiex jinħadem planċier ġdid denju lill-Patrun. Ix-Xogħolijiet u l-Ippjanar sabiex jinħadem dan il-planċier bdew f’ nofs is-snin disgħin, u bil-mod il-mod, il-membri stinkaw sabiex fis-sena 2013, is-soċjetà inawgurat il-pjanċier maestuż. Pjanċier illi jitgawda kull sena waqt il-festa tas-sajf. Mill-inawgurazzjoni, il-membri tas-Sezzjoni Planċier komplew jaħdmu sabiex isibu maħżen akbar fejn ikun jista’ jintrefa dan l-armar, filwaqt illi ħadu ħsieb jgħamlu dak kollu possibli sabiex jiffaċilitaw il-ġarr tal-armar tal-planċier kollu.

F’ dan il-perjodu twaqqfet ukoll sezzjoni illi hija ferm importanti fil-ħajja ta’ kuljum tal-każin; Is-Sezzjoni Żgħażagħ. Sezzjoni illi ħadmet fuq diversi proġetti b’ risq il-Festa tas-sajf, fosthom l-umbrellel artistiċi u kif ukoll l-imrewħa illi ġiet inawgurata fis-sena 2000. Inħarġu ukoll għadd ta CD’s, u fil-passat anke cassettes, b’ marċi brijjużi. Ix-xogħol ta’ din is-sezzjoni kompla jinkorraġixxi liż-żgħażagħ Siġġiwin sabiex jgħatu ħilithom b’ risq il-festa ta’ San Nikola. Sezzjoni illi rawmet ukoll presidenti u numru kbir ta’ membri tal-kumitat.

Mit-tmeninijiet sa issa, ġew iċċelebrati ukoll għadd ta’ anniversarji, inkluż mit-twaqqif ta’ dawn is-sezzjonijiet illi ġa issemmew. Fl-2008 saru ukoll ċelebrazzjonijiet kbar fl-okkażjoni tal-125 sena mit-twaqqif tas-soċjetà, f’ liema perjodu ukoll kien sar l-Oratorio mill-Banda San Nikola. Oratorio msejjes fuq il-ġrajja u l-ħajja tal-Patrun tagħna San Nikola.

 

Minbarra l-impenn għall-festa, u id-diversi attivitiajiet soċjali illi torganizza is-Soċjetà,is-Sezzjoni Żgħażagħ bdiet ukoll tieħu ħsieb l-organizzazzjoni tal-Mixgħela tas-Salib tal-Għolja. Attività kbira illi issir kull Ħamis ix-Xirka. Din l-attività issir bi preparazzjoni liema bħala, fejn fosthom jiġi preparat dramm, u kif ukoll il-fjakkoli li jintużaw fuq l-Għolja tas-Salib. Inxtegħel ukoll l-akbar salib magħmul bil-fjakkoli.

Irid jingħad illi dawn il-ftit paragrafi m’humiex biżejjed sabiex jingħata ġieħ lid-diversi volontiera illi issagrifikaw il-ħin tagħhom sabiex jitwettqu dawn il-proġetti, u dan flimkien ma diversi proġetti oħra illi ma ssemmewx hawnhekk, imma ħallew impatt kbir u pożittiv fuq il-ħajja tas-soċjetà.

Għall dan l-iskop, il-Kumitat qiegħed bħalissa jaħdem sabiex tkompli tinkiteb l-Istorja tas-Soċjetà. Dan ser ikun qiegħed jikkonsolida ix-xogħol illi sar mill-Ex President Franġisku Bezzina, riprodott hawnhekk. Kull kumitat ikollu l-ispirazzjonijiet u l-proġetti illi jixtieq iwettaq, u f’ dan l-ispirtu, din l-istorja għandha tkun t’ispirazzjoni għall-ġenerazzjonijiet futuri.

  • White Facebook Icon
  • White YouTube Icon
  • White Instagram Icon

©2020 iddisinjata mis-Sezzjoni tal-Midja fi ħdan il-Każin Banda San Nikola. Kull dritt huwa miżmum. L-ebda informazzjoni jew materjal viżiv jew audio viżiv ma jista jiġi ikkupjat jew imxerred. 

Imnedija illum is-6 ta' Diċembru 2019;

Jum il-Festa Liturġika ta' San Nikola

50 / 51 Misraħ San Nikola

Is-Siġġiewi