Is-Sezzjoni Żgħażagħ, hija sezzjoni moderna illi timxi maż-żminijiet il-quddiem. Minħabba f’ dan hija evolviet b’pass mgħaġġel ħafna, u riżultat ta’ dan xprunat il-ħidma tal-ħafna kumitati tal-Każin Banda San Nikola. Fl-aħħar mill-aħħar, iż-żgħażagħ huma il-qalb u il-futur ta’ din is-Soċjetà, tant illi din is-Sezzjoni rawwmet għadd ta’ individwi sabiex wara komplew il-ħidma tagħhom fil-Kumitat ċentrali u bħala volontiera tal-istess każin.
Fid-disgħinijiet, l-interess taż-żgħażagħ fil-festa kompla jiżdied, u kien għalhekk illi għall-ewwel darba beda jintuża l-isem ta Sezzjoni Żgħażagħ, grupp ta’ żgħażagħ illi fil-ġimgħat ta’ qabel il-festa kienu jistinkaw bil-preparazzjoni ta diversi umbrellel tal-karti, u ta’ ħafna affarijiet oħra utli għall-brijju. Aktar ma beda jgħaddi iż-żmien, din is-sezzjoni ġiet stabilita formalment, b’ diversi membri fi ħdana illi jiltaqgħu regolarment matul is-sena kollha sabiex ikunu jistgħu iwettqu numru kbir ta’ proġetti. Fost dawn il-proġetti, insibu dak tal-umbrellel artistiċi ġodda, l-umbrella l-kbira u kif ukoll it-tinda il-kbira tal-marċ, flimkien mal-imrewħa li iżżanżnet fis-sena 2000. Saru diversi opri artistiċi oħra, fosthom l-istandard u l-bandiera tal-istess sezzjoni.
Is-Sezzjoni ittella’ wkoll għadd ta’ avvenimenti. Fil-passat organizzat diversi plays, filwaqt li organizzat numru ta’ car shows u attivitajiet annwali oħra. L-akbar attivit li qatt daħlet għaliha is-sezzjoni żgħażagħ fl-aħħar mill-aħħar kien dik tal-Mixgħela tas-Salib tal-Għolja. Attivita’ li tirrikjedi ħafna preparamenti. Attivita’ illi tiġbed mijjiet ta’ nies minn Malta kollha u saħansitra ġiet imxerrda mad-Dinja kollha fuq diversi news portals. Kien għal-istess attivita’ li s-Sezzjoni Żgħażagħ riċentament daħlet fil-Malta Records bl-akbar salib mixewl bil-fjakkoli u l-akbar fjakkolata.
Il-Ħidma ċentrali tibqa’ iffukata fuq il-Festa, b’ mod partikolari il-marċ tal-Ġimgħa u tal-Ħadd. Il-Ħidma għall dawn il-marċi brijjużi tkun għaddejja is-sena kollha, bil-preparazzjoni tal-armar tagħhom, u tas-sorpriżi tant mistennijja. Is-sezzjoni torganizza għadd t’ attivitajiet soċjali sabiex tkun tista’ wkoll tmantni il-ħidma tagħha fi ħdan il-Każin. Attivitajiet soċjali miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ.
Din is-sezzjoni, b’ qalb ta’ iljun qegħda tkompli taħdem sabiex dejjem tkompli tgħamel unur lill-Patrun tagħha San Nikola, filwaqt illi tassissti lill-Banda San Nikola u lis-Soċjeta’. B’ dan nappellaw liż-żgħażagħ kollha sbiex jingħaqdu magħna sabiex inkomplu naħdmu għall-festa tant għażiża għalina.
President
Is-Sur Nathan Borg
Segretarju
Is-Sur William Curmi
Membru
Is-Sur Andre Bonnici
Kaxxier
Is-Sur Kurt Smith