top of page
20191129_223549.jpg
Logo- kazin banda san nikola.png

Mro. Joseph Darmanin

Mro. Joseph Darmanin, A. Mus. L.C.M.

(Ibbażat fuq informazzjoni miġbura minn F.S. Bezzina)

Joseph Darmanin twieled il-Belt Valletta nhar it-tnejn, 29 t’ April, 1918, minn Antonio Darmanin li kien imwieled Korfu’, il-Greċja u Emanwela Gruppetta imwielda Ħaż-Żabbar. Hawn ta’ min isemmi li missieru Antonio kien ukoll Surmast Direttur tal-Banda “Stella Maris” ta’ Tas-Sliema.

Il-Familja tieghu;

Mro. Joseph Darmanin huwa miżżewweġ lill Phyllis nee’ Sammut u żżewġi fil-25 ta’ Lulju, 1937, u kellhom lill uliedhom Lilian, Marie-Louise, Charlie (li kien jgħix Malta) u Victor. Huma joqgħodu ġewwa Wentworthville, New South Wales, l-Awstralja.

L-Ewwel Passi fil-Qasam Mużikali u il-Ħajja Militari;

Sa minn ċkunitu, Joseph deher li kellu inklinazzjoni lejn l-Arti Mużikali, u għalhekk missieru ħa ħsieb jgħinu biex jiżviluppa dan it-talent tiegħu. Ta’ tlettax-il sena beda jdoqq il-klarinett mal-Banda Stella Maris taħt it-tmexxija ta’ l-istess missieru Mro. Ant. Darmanin. F’ Settembru 1935, ta’ sbatax-il sena iddeċida li jidħol fl-Armata u ngħaqad mar-riġment tar-Royal engineers Corps. Fil-ħin liberu tiegħu li kien ikollu, kien jistudja t-Teorija u l-Armonija u kompla jdoqq. Huwa għamel l-eżamijiet tar-Royal School of Music ta’ Londra u fihom ħareġ b’suċċess.

Wara li faqqgħet it-Tieni gwerra Dinjija, ittrasferewh għar-Royal Malta Artilleru. Fl-1942 ingħata r-rank ta’ Surġent u kien responsabbli mill-pożizzjoni ta’ l-Anti-Aircraft Searchlight, fiż-żmien meta Malta kienet kontinwament ibbumbardjata mill-ajruplani tal-għadu. Minħabba din il-kariga li kellu bħala surġent  bir-responsabbiltà tad-dmirijiet tiegħu f’ dawk iż-żminijiet delikati u ta’ periklu, ma kinux iħallulu żmien twil ta’ mistrieħ. B’ danakollu qatt ma ħass li kellu jitlaq warajh għal kollox l-istudju mużikali , għalkemm kellu ta’ bilfors jitlaqha għal xi ftit taż-żmien, għax hekk kien meħtieġ għal ħobżu u għall art twelidu.

 

Jiggradwa;

Ta’ disgħa u għoxrin sena Mro. Joseph Darmanin iggradwa u ħa d-diploma A. Mus. L.C.M. fis-suġġett ta’ l-Armonija Avanzata, kontrapont, Forma ta’ Mużika, Storja tal-Mużika u f’ suġġetti oħra mużikali. L-istudji għal din id-Diploma kien bdiehom taħt il-ħarsien ta’ l-istess missieru u kompla l-istudji mużikali taħt is- Surmastrijiet Vincenzo Costa, Joseph Stivala u Carmelo Pace.

Surmast Direttur;

Fis-sena 1945, Mro. J. Darmanin ġie magħżul u msejjaħ biex iwaqqa u jmexxi l-Bana “Lily” ta’ l-Imqabba, u f’ din l-istess sena ġie wkoll imsejjaħ u maħtur Direttur tal-Banda “Stella Maris” ta’ Tas-Sliema. Fis-sena 1952, intalab imexxi l-Banda San Nikola tas-Siġġiewi, fejn dam Surmast Direttur tagħha sas-sena 1955. F’ dan il- perjodu ta’ tliet snin, kien għamel ħafna ħbieb Siġġiwin u kien irrispettat ħafna u għalhekk fi kliemu stess, “ma jista qatt jinsa ‘l-Banda San Nikola’ u wisq iżjed ‘in-nies tar-raħal’ ”.

Fi tliet okkażjonijiet huwa dderiġa l-Banda Nazzjonali fi programmi mużikali ġewwa r-Radio City Opera House tal-Ħamrun.

Xogħolijiet Mużikali;

Minbarra d-direzzjoni, Mro Joseph Darmanin ikkompona ħafna xogħolijiet mużikali għall-baned, kif ukoll għamel arranġamenti operitiċi għall-baned u orkestri. Fost il-kompożizzjonijiet tiegħu nsibu Preludju, Marċi Sinfoniċi, Marċi Brijużi u Funebri, u s-Soċjetà tagħna kien irnexxilha takkwista diversi xogħolijiet minn tiegħu qabel emigra lejn l-Awstralja. Mro. Joseph Darmanin kien ukoll membru tal-Performing Rights Society ta’ Londra.

Fl-Awstralja

Mro. Joseph Darmanin, wara li għamel tmienja u għoxrin sena u nofs regolari fl- armata, spiċċa mis-servizz militari fix-xahar t’ April 1964, bl-aħħar rank ta’ Warrant Officer Class II. F’ dan l- istess xahar huwa emigra lejn l-Awstralja flimkien ma martu u wieħed minn uliedhom, filwaqt li l-membri l- oħra tal- familja telgħu l-Awstralja ftit wara. Ġewwa l- Awstralja huwa mar f’ Sydney u hemm beda jaħdem bħala skrivan mal-kumpanija tal- karozzi Ford ta’ l-Awstralja ġewwa homebush, New South Wales, liema xogħol dam fih sa Lulju tal-1980 meta kellu tnejn u sittin sena. Kemm dam fix-xogħol ma’ Ford, kien applika b’ suċċess biex ikun Direttur tal-banda Army Reserve (Territorial Army), u allura ġiet fdata f’idejh il-banda tas-17th Royal New South Wales Regiment Band, li dam imexxi sas-sena 1977. F’ dan il- perjodu li kellu din il-banda tar-Riġment, kien ukoll Direttur tal-Banda ta’ Ashfield District Band li magħha mis-sena 1966 sas-sena 1977.

Fi Frar tas-sena 1976, Mro. Joseph Darmanin ifforma l-ewwel Banda maltija fl-Awstralja fl- isem “Our Lady of Peace” fil-parroċċa ta’ Greystanes, New South Wales. Din il-Banda kienet tikkonsisti f’54 bandist li l-parti kbira tagħhomm kienu Maltin u ftit Awstraljani.

Hawn huwa interessanti għalina bħala Siġġiwin li nkunu nafu, li l-fundatur ta’ din l-Għaqda kien is-Sur Eric Rizzo li kien jokkupa l-Kariga ta’ President tal-Kumitat bis-Sur Oreste Aquilina fil-kariga ta’ Viċi President. Dawn iż-żewġ sinjuri, kemm is-Sur Erizzo kif ukoll is-Sur Oreste Aquilina huma t-tnejn mis-Siġġiewi emigranti fl- Awstralja.

Mro. Darmanin baqa jmexxi din il-Banda sal-2002. Huwa għadda għall-ħajja ta’ dejjem fis-sena 2006, fl-eta ta 88 sena. Il-Marċ l-aktar magħruf għalih Mro. Darmanin jibqa ‘Tal-Kbar’.

  • White Facebook Icon
  • White YouTube Icon
  • White Instagram Icon
bottom of page