Triq il-Ġdida
Il-Ħâra (Ħô/ûra) d-Dejqa, it-Triq tal-Oratorju
Kitba ta’ Pawlu Aquilina
Ippublikat fil-ktieb tas-Soċjeta' għall-festa 2005
Fit-Tfuliti jew fis-snin tletinijiet, din it-Triq konna nsibuha bħala “ Il-Ħâra (djalett : Ħô/ûra) d-Dejqa”. Fejn ħâra tfisser żona jew distrett kif ukoll triq. Fl-istess żmien konna nsibuha wkoll bħala It-Triq ta’l-Oratorju, imma uffiċjalment kienet issemmiet Strada Nuova – Triq il-Ġdida, billi xi darba din kienet tagħlaq – aktarx fejn tikser b’ minkeb fin-nofs tagħha u għalhekk meta infetħet kienet saret triq ġdida. Illum dan l-isem ma jixirqilha xejn meta naraw il-ġmiel ta’ għadd kbir ta’ toroq ġodda li kabbru ir-raħal tagħna f’ Belt imdaqqsa.
Din it-Triq tgħaqqad Triq il-Parroċċa ma’ Triq San Ġakbu (jew bil-maqlub) u fit-tarf tagħha li jmiss ma’ Triq San Ġakbu kienet tispiċċa b’għajn tal-ilma għall-pubbliku. Fis-snin tal-gwerra 1940-43, kien hemm ukoll xelter, li ma kien xejn għajr kantina, f’tarf it-triq li tmiss mal-kantuniera taċ-Ċirkolu tal-Azzjoni Kattolika.
Illum din it-triq saret arterja jew triq aktar importanti għal dawk kollha li joqgħodu n-naħa ta’ Fuq taż-żona “Ta’ Fonzu” u li jkunu jridu jimxu t-triq sal-Knisja u jsibu ruħhom fil-qalba tar-raħal.
Togħġobni din it-triq u nieħu gost nimxiha fis-skiet, il-ġabra u l-ħemda, bogħod mill-ħsejjes kollha u l-ġenn tat-traffiku tal-lum! Iddaħħalni fis-seher tal-ħolm ta’ tfuliti għax għad għandha mir-ruħ u mil-libsa ta’ dari, ta’ dak iż-żmien ta’ sliem u ta’ paċi!
Wieħed jifhem għala konna nsibuha wkoll bħala It-Triq tal-Oratorju,1 billi meta dan inbena, bejn l-1913 u l-1915, kien sar binja importanti u ta’ servizzi reliġjuż għall poplu. Għalina t-tfal kien il-post fejn kull nhar ta’ Ħadd jew festa kkmandata konna niġabru għall-quddiesa fis-6.00am, is-subien fuq naħa u l-bniet fuq l-oħra, fuq bankijiet sempliċi tal-injam u bla dahar. Kien iqaddsilna Dun Ġużepp Aquilina Ta’ Randa, jew Dun Anton Vella u jieħdu ħsiebna s-soċji tal-M.U.S.E.U.M.
Bħalma ġieli għidt fil-kitbiet tiegħi, il-ġmiel tar-Raħal kien jinsab f’ kull triq u f’ kull sqaq li kellu billi dejjem kont issib fihom ħwienet u ħidmiet, bħal xi sengħa jew snajja, li barra li jsebbħuh kienu wkoll jagħtuh il-ħajja.
Kważi quddiem l-Oratorju, fid-dar li illum iġġib in-numru 4, kien joqgħod Dun Ġużepp Delia, iz-ziju ta’ Patri Ġużé Delia, u predikatur magħruf fil-Missjoni l-Kbira, kif kienet tissejjaħ l-Għaqda ta’ Saċerdoti Predikaturi li kienet tieħu ħsieb iżżur il-parroċċi minn żmien għal żmien biex tagħmel kors ta’ predikazzjoni u spiritwalità. Ġieli wkoll marret barra minn Malta, bħal f’Tuneż u l-Alġier, biex tilħaq ‘il dawk il-Maltin emigranti f’ dawk l-artijiet.
F’ din id-dar, wara li miet Dun Ġużepp Delia, kien mar joqgħod Rafel Pisani l-arluġġar u l-familja tiegħu, li qabel kienu joqgħodu f’ Sqaq tal-Putes. Rafel kien xi neputi ta’ Kalċidon Pisani, arluġġar ta’ fama li minnu kien tħajjar jitgħallem is-sengħa l-famuż Mikelanġ Sapiano, mill-Imqabba.2 Dan Mikelanġ baqa jissemma għall-arloġġi tal-kampnari tal-Knejjes, li minnhom ħadem madwar 21 wieħed, fosthom l-arloġġ tal-Knisja Parokkjali tagħna fl-1894, kif ukoll għal arloġġi kbar oħra Maltin.
Iżda barra mill-arluġġar, it-Triq kienet popolari wkoll għal żewġt ifran: l-eqdem wieħed kien dak tal-familja ta’ Pawlu Vassallo, ta’ Kilin. Dan kien fejn illum huwa numru 8.3
Dan il-forn kien għalija bħal mekka bejnu u bejn id-dar tagħna billi ta’ sikwit kont nitla’ għandu minn Triq il-Kbira (Strada Rjali) b’ xi wiżna tqiq jew aktar fuq spallejja biex nagħtihulu jagħmilulna ħobż. Meta jintgħaġen, jinħabeż u jinhema kien iġibulna d-dar fuq tavla permezz ta’ karettun tal-idejn jew saħansitra fuq ir-ras, kemm Pawlu nnifsu kif ukoll zitu Karmni li kienet tgħinu l-ħin kollu fil-forn. Xi fwieħa ta’ ħobż Malti kien fih!
Il-forn l-ieħor, aktar ‘il ġewwa u kif tikser il-minkeb tat-Triq kien dak ta’ Toni busuttil – “Toni tal-Forn”. Dan kien forn mibni ġdid u kien ukoll popolari ħafna għat-tjubija tal-ħobż li jaħmi.4
Ta’ min jgħid li fil-festi, meta l-fran ma kienux jaħmu ħobż, kien jaħmu dixxijiet ta’ ikel bħal laħam u patata, imqarrun u ross għall-ikla ta’ nofsinhar. Iżda qabel jaħmi dawn id-dixxijiet u qabel ma jkun sebaħ għal kollox kien jaħmi turtieri sħaħ ta’ pastizzi magħmulin fid-djar, kemm għall fmailji kif ukoll għall-ħwienet tal-Kafé li kienu ftit!
F’ din it-triq ukoll kien joqgħod is-saċċerdot Dun Franġisk Cutajar, Tal-Qâbla, fl-istess dar, illum numru 46, fejn toqgħod il-Familja ta’ Dun Dione Cutajar, billi Dun Franġisk kien jaħbat iz-ziju ta’ Nikola Cutajar, missier Dun Dione. Dun Franġisk kien fi żmienu l-Prokoratur tal-Fratellanza tar-Rużarju u konfessur assidwu, mhux biss fil-Knisja imma wkoll f’ daru stess. Irġiel u Żgħażagħ, kienu jfittxuh id-dar kull meta jeħtieġu jqerru u Dun Franġisk laqagħhom dejjem.
Ma’ Dun Franġisk kien joqgħod ħuħ ġuvni, Wenzu, li kien miet bl-isplużjoni ta’ waħda mill-bombi tal-ħin li kienu splodew qrib l-istatwa tal-Madonna ta’ Lourdes, fi Triq Santa Margerita fit-3 ta’ Lulju 1942, bombi li b’ kollox kienu qatlu għaxra min-nies. Wenzu kien wieħed mill-ħaddiem tad-“Demolition” li kienu qed jaħdmu qalb it-tiġrif tad-djar li waqgħu bil-bombi li ħadu qabel, hekk kif twaddbu matul il-lejl. Għadni narah jinġarr mejjet fuq streċer, deħlin bih il-Berġa, mill-Għassa tal-Pulizija (illum Dar Ommna Marija), fil-Pjazza.
Żmien qabel, quddiem id-dar ta’ Dun Franġisk kien joqgħod Dun Ġużepp Buhagiar, “Iż-Żibatur” li ġa semmejna bħala l-promotur u benefattur kbir biex inbena l-Oratorju fl-istess Triq.
Ġużeppi Muscat, il-Liebet, u wara surmast tal-Każin tal-Banda Santa Amrija tal-Qrendi kien ukoll joqgħod bsiwit id-dar ta’ l-Arluġġar Rafel Pisani, qrib l-Oratorju.
Milli niftakar dejjem u bil-għajnuna tal-oħrajn5 , f’ din it-Triq kienu joqgħodu familji magħrufa b’ dawn il-laqmijiet, nibda minn ħdejn l-Oratorju u fuq iż-żewġ naħat tat-triq: Ta’ L-Arluġġar, tal-Baloks, Tal-Liebet, Tal-Murtulla, Tal-Fanali, Taż_Żibatur, Tal-Qâbla, Tal-Klin, Tas-Sissu, Ta’ Żejpu, Ta’ kilin, Ta’ Manun, Tal-Gass, Tal-Parent, Tal-Ħixka, Ta’ Pranza, Tal-Patri, In-Nigri, Tal-Mitqub, Tal-Putes, Tal-Kiesaħ, Ta’ Kaspan, Tal-bilblija.
Naturalment kienu joqgħodu wkoll il-familji ta’ toni tal-Forn u ta’ Pawlu tal-Forn.
Din hija id-dehra li qlajtha mill-paġni tal-memorja biex inħalliha bħala pinzellata jew kwadru bil-kitba ta’ dik it-Triq li fi tfuliti kulħadd kien jafha bid-djalett Siġġiewi: Il-Ħô/ûra d-Dejqa.
1 Kien imbena biz-zelu ta’ Dun Ġużepp Buhagiar, Iż-Żibatur. L-isem uffiċjali li kien ingħata hu “L-Oratorju tal-Qalb ta’ Ġesù” kif tixhed l-istatwa sabiħa li hemm fuq il-fontispizju tal-faċċata tiegħu, iżda maż-żmien, billi l-kwadru prinċipali tiegħu kien u għadu tas-Sagra Familja, kienu jsibuħ ukoll bħala “L-Oratorju tas-Sagra Familja.” Ara “Siġġiewi Album Nru.2 – L-Oratorju tas-Sagra Familja” ta’ Dun Nikola Aquilina li deher fil-ħarġa “is-Siġġiewi”, Vol. I Nru 2, Settembru 1977.
2 Twieled l-Imqabba fid-19 ta’ Marzu 1826. Iżżewweġ u mar joqgħod Ħal Luqa fl-1847. Ara “Ħal-Luqa- Niesha u Ġrajjietha” ta’ Dun Ġużepp Micallef, paġni 261-263.
3 Wara li waqaf Pawlu – “Pawlu tal-Forn” – kien għal xi snin kompla ibnu Stjanu jew Sebastjano Vassallo.
4 Wara li miet Toni fl-1967, kompliet martu Marija. Warajha ħadu għall xi xhur Charlie Vassallo bin “Pawlu tal-Forn”, imbagħad għalaq għall-kollox.
5 Giovanna Pisani u Agnes Busuttil.